COVID-19
78 każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta, 204 oħra mfejqa u tmut anzjana

Fl-aħħar 24 siegħa ħarġu 78 każ ġdid ta’ Covid-19 minn 3,260 ‘swab test’ li saru, waqt li 204 ġew iddikjarati mfejqa. Dan ifisser li n-numru ta’ każijiet attivi niżel għal 1,206

Fl-istess waqt hemm 35 pazjent li qed jingħataw il-kura fl-Isptar Mater Dei minħabba sintomi tal-Covid, 4 minnhom li jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU).

In-numru totali ta’ persuni li ħadu l-virus issa tela’ għal 34,668, waqt li dawk li fiequ jlaħħqu t-32,642.

Sal-bieraħ kienu ngħataw 767,831 doża tat-tilqima, bi 402,373 minnhom ikunu l-ewwel doża. In-numru ta’ dawk li ħadu t-tilqima b’mod komplut tela’ għal 389,610.

Mill-każi ġodda li tħabbru lbieraħ l-età medja kienet ta’ 35 sena.

Fl-aħħar 24 siegħa mietet anzjana ta’ 88 sena waqt li kienet pożittiva għall-COVID-19. In-numru tal-vittmi tal-Covid tela’ għal 424.