COVID-19
78% tal-Maltin jemmnu li l-vaċċin l-unika mod biex tintemm il-pandemija

Stħarriġ li għamlet l-UE dwar il-vaċċini tal-Covid-19 juri li 78% tal-Maltin jemmnu li l-vaċċin huwa l-unika mod kif neħilsu mill-pandemija.

Il-medja fl-UE għall-istess mistoqsija, jiġifieri kemm jemmnu li l-vaċċin huwa l-unika mod biex tintemm il-pandemija kienet ta’ 75%.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru sar lejn l-aħħar ġimgħa ta’ Mejju li għadda fost 26,106 persuna li għandhom 15-il sena jew aktar.

Mistoqsijin meta tixtieq li tieħu l-vaċċin kienu 75% tal-Maltin li qalu li diġà ħaduh, l-ogħla rata fl-UE, bil-medja fil-pajjiżi membri ta’ dawk li ħadu l-vaċċin tkun ta’ 37%.

Dwar kemm jikkunsidraw li jieħdu l-vaċċin biex jipproteġihom milli jieħdu l-virus kienu 68% li qalu li huwa importanti ħafna meta jiġu biex jiddeċiedu li jieħdu l-vaċċin bil-medja fl-UE tkun ta’ 60%.

Kienu 81% tal-Maltin li qalu li jemmnu li għandhom jieħdu l-vaċċin biex jipproteġu lill-familjari u qraba mentri l-medja fl-UE kienet 67%.

L-istħarriġ sab li 61% tal-Maltin jemmnu li l-vaċċin jgħinhom jirritornaw għall-ħajja normali b’50% tal-Ewropej jemmnu dan.

Mistoqsijin dwar il-vaċċin u s-safar, 58% qalu li lesti jieħdu l-vaċċin biex bih ikunu jistgħu jsiefru kontra 49% tal-Ewropej.

Fil-każ ta’ 73% tal-Maltin il-vaċċin jgħinhom jiltaqgħu ma’ familjari u ħbieb bil-medja fl-UE għal dawk li jaqblu li jieħdu l-vaċċin għal din ir-raġuni tkun 65%.

Kien hemm ukoll 53% qalu li jikkunsidraw li jieħdu l-vaċċin biex imorru f’restoranti, ċinemas u faċilitajiet sportivi meta l-medja fl-UE kienet ta’ 50%.

Kienu 31% tal-Maltin li ma ħassewx għaġla biex jieħdu l-vaċċin għax jemmnu li r-riskju li jieħdu l-virus huwa żgħir meta fl-UE l-medja ta’ dawk li jaħsbuha l-istess kienet ta’ 20%.

Il-parteċipanti ġew mistoqsijin dwar raġunijiet li jistgħu jwassluhom biex ma jeħdux il-vaċċin bi 42% isemmu l-biża’ mis-‘side effects’ kontra s-57% fl-UE waqt li 70% li l-vaċċini ma ġewx ittestjati biżżejjed kontra 63% bħala medja Ewropea.

Kien hemm 76% li jemmnu li huwa dover ċiviku li persuna tieħu l-vaċċin waqt li 53% jemmnu li għandha tkun mandatorja. Il-medja fl-UE għall-istess mistoqsija kienu ta’ 63% u 46% rispettivament.

In-numru ta’ dawk li sodisfatti kif mexa l-Gvern fil-pandemija laħaq it-92% mentri l-medja fl-UE kienet ta’ 73%.

Dwar kemm huma beżgħana li se jieħdu l-virus fiż-żmien li ġej 56% qalu li beżgħana kontra l-45% tal-medja Ewropea.

Mistoqsijin b’mod ġenerali kemm jemmnu li l-vaċċini huma siguri 87% qalu li jemmnu dan meta l-medja fl-UE kienet ta’ 81%.

L-istħarriġ jista’ jitniżżel b’mod sħiħ mis-sit europa.eu.