Propjetà
79% tal-Maltin sidien ta’ darhom… 57% minnhom bla dejn fuqha

Madwar 79% tal-Maltin u l-Għawdxin huma sidien ta’ darhom b’57% m’għandhomx dejn fuqha jew għax qatt ma kellhom jew għax ħallsuh.

Dan joħroġ minn studju li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) fl-2020 fost ir-residenti ta’ 4,000 dar.

Mill-istudju ħareġ li 59% jgħixu f’appartamenti u maisonettes waqt li 36% fi djar semi-detached jew terraced.

L-istudju wera li l-ikbar persentaġġ ta’ residenzi, 35%, kellhom ħamest ikmamar segwiti minn 23% li kellhom sitta u 20% li kellhom sebgħa.

L-istatistika turi li 84% tar-residenzi li fihom kienu jgħixu tfal dipendenti fuq l-adulti l-istess adulti kienu sidien tal-post mentri f’residenzi fejn ma kienx hemm tfal dipendenti fuq l-adulti, is-sidien kienu jammontaw għal 76%.

Fir-rigward tar-residenzi mikrijin 20% tagħhom ma kienx fihom tfal dipendenti fuq l-adulti mentri 10% kienu dipendenti fuqhom.

L-istudju wera wkoll li 4.2%  tar-residenzi kienu ffullati. Minnhom16% kienu residenzi mikrijin u 2.5% li kienu tas-sidien.

Nies f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali li għexu fi djar iffullatti ammontaw għal 9% waqt li 3% minn dawk li ma kinux f’dan ir-riskju wkoll għexu f’postijiet iffullati.

Mistoqsijin kif jaraw l-ispejjeż tad-dar 57% qalu li jarawhom żgħar, 24% piż kbir u 19% ma jarawhomx bħala piż.

Mill-istħarriġ irriżulta wkoll li 31% ilmentaw mill-istorbju tal-ġirien.