Lokali
8.5 miljun suldat imutu fl-Ewwel Gwerra Dinjija

Kienu l-ħdax ta’ filgħodu, fil-ħdax-il ġurnata, tal-ħdax ix-xahar tas-sena, elf disa’ mija u tmintax meta l-ewwel Gwerra Dinjija ntemmet bl-iffirmar tal-Armistizju bejn l-Alleati u l-Ġermanja. Sa dik il-ġurnata kienu laħqu mietu ‘l fuq minn 8 miljun u ħames mitt elf suldat.

Mija u sentejn wara, fil-Barrakka ta’ Fuq, dalgħodu malli daqqew l-ħdax, ġew sparati żewġ balal mill-kanuni biex jimmarkaw iż-żewġ minuti silenzju b’rispett għall-vittmi tal-ewwel gwerra f’ċerimonja annwali organizzata mill-Fondazzjoni Wirt Artna u li għaliha attendew fost oħrajn il-Korpi Diplomatiċi u Veterani tal-gwerra.

Iċ-Chairman tar-Royal British Legion Peter Robinson beda d-diskors tiegħu billi kkwota silta mill-poeżija ‘For The Fallen’ ta’ Laurence Binyon sinonima ma’ din il-kommemarazzjoni fil-pajjiżi tal-Commonwealth. Tkellem dwar l-importanza tar-rigal li taw il-vittmi, li għadu jitgawda sal-lum.

F’dan il-jum, normalment tintlibes il-peprina, is-simbolu li l-veterani tal-gwerra jassoċjawh mad-donazzjonijiet li jingħataw lill-familji tas-suldati li għexu l-ħruxija tal-gwerra. Ma’ TVM is-Sur Robinson stqarr li l-pandemija kellha effett diżatruż fuq id-donazzjonijiet.

“People have responded with cheques but it’s only a small drop in the ocean compared to what we’d normally actually collect in Malta and all of that money we use it to assist the families of former servicemen majority of whom are Maltese who served with the British Armed Forces”

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Wirt Artna Mario Farrugia stqarr li sa 40 sena ilu din il-ġurnata kellha sinifikat akbar fost il-Maltin u maż-żmien donnu l-importanza ta’ dan il-jum qed jintesa.

“Lil minn hu iżgħar ovvjament ngħidulu li l-istorja ma tieqafx ma perjodu partikolari. Però l-epoki kollha huma importanti. Dan hawnhekk mhux biss avveniment storiku għax hawnhekk qed nikkomomeraw sagrifiċċju kbir li ġenerazzjoni sħiħa ta’ żgħażagħ kienu taw biex nerġgħu niksbu l-paċi.”

Is-Sur Farrugia qal li llum il-ġurnata l-paċi hi meqjusa bħala minn ewl id-dinja iżda fakkar li kienu ħafna dawk li sagrifikaw ruħhom sabiex titgawda il-libertà u l-ġustizzja.