COVID-19
8 każijiet ġodda ta’ pazjenti bil-Coronavirus – fosthom tifel ta’ 3 snin

Jitilgħu għal 38 il-każijiet ikkonfermati ta’ Coronavirus f’Malta. Sa nofsinhar, Malta kellha tmien każijiet ġodda ta’ persuni bil-Covid-19 fosthom tifel Malti ta’ 3 snin li ħarġulu s-sintomi jumejn ilu, meta li l-iskejjel kienu diġà ngħalqu. It-tifel jinsab fi stat tajjeb ta’ saħħa.

It-tifel huwa l-iżgħar pazjent f’Malta bil-Covid-19 u fl-istess ħin l-akbar pazjent ġie kkonfermat illum huwa Malti ta’ 62 sena. Mill-inqas nofs il-każijiet, jiġifieri erba’ każijiet, huma meqjusa bħala infezzjonijiet lokali.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li fost il-każijiet il-ġodda hemm Ingliża ta’ 59 sena li tgħix Malta. Il-Professur Gauci spjegat li l-mara daħlet l-Isptar Mater Dei bi ksur u jiem wara ħarġulha s-sintomi tal-Coronavirus.

Il-Professur Gauci spjegat li mill-investigazzjonijiet, li għadhom għaddejjin, jirriżulta li l-Ingliża seta’ kellha kuntatt ma’ ħaddiem fil-qasam tas-saħħa li fl-aħħar jiem irriżulta pożittiv għall-virus. Hi qalet li bħala prekawzjoni, ingħalqet is-sala fl-isptar li kienet fiha l-Ingliża.

L-aħħar każijiet ta’ Coronavirus irrapportati mill-awtoritajiet tas-saħħa sat-Tlieta f’nofsinhar huma ta’ 8 persuni u b’hekk telgħu għal 38 l-każijiet ta’ Covid-19 f’Malta.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li tifel Malti ta’ 3 snin kellu d-deni jumejn ilu u jinsab fi stat tajjeb ta’ saħħa. Spjegat li t-tifel ma kellux kuntatt ma’ tfal oħrajn għax irriżulta pożittiv għall-virus waqt li l-iskejjel kienu diġà magħluqin.

Il-Professur Gauci kompliet tispjega li missier ta’ 58 sena u ibnu ta’ 15-il sena, it-tnejn Taljani li jgħixu Malta, irriżultaw pożittiv għall-virus wara li l-missier kien Ruma fil-5 ta’ Marzu. Sostniet li flimkien mal-omm, il-familja Taljana segwit il-pariri tal-awtoritajiet u ilhom fi kwarantina mindu l-missier ġie lura mill-Italja.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li każ ieħor huwa ta’ Ingliża ta’ 59 sena, li tgħix Malta, u li daħlet l-isptar bi ksur fil-5 ta’ Marzu. Erbat ijiem ilu, ħarġulha s-sintomi u rriżultat pożittiv għall-Coronavirus. Il-Professur Gauci rrimarkat li pazjenta li kienet ħdejha rriżultat negattiv għall-virus u s-sala fejn kienet il-pazjenta Ingliża ngħalqet u għalissa mhix tintuża.

”Aħna wkoll rajna minn kienu l-istaff li kienu f’kuntatt u mill-ewwel dawn qagħdu fi kwarantina. Rajna wkoll fejn seta’ kella kuntatt din il-persuna. Ftakru li din daħlet fil-5 ta’ Marzu u din setgħet kienet ġabitha minn barra fil-komunità u nafu wkoll li kellha kuntatt żgħir ħafna ma’ healthcare worker li kien diġà kkonfermat pożittiv iktar kmieni.”

Il-Professur Gauci qalet li l-każijiet l-oħra huma ta’ Maltija ta’ 26 sena li ġiet lura mir-Renju Unit erbat ijiem ilu. Spjegat li waqt li kienet fi kwarantina ħarġilha d-deni u kellha s-sogħla. Kompliet tgħid li każ ieħor huwa ta’ Malti ta’ 28 sena li kellu kuntatt ma’ kollega tiegħu li kien Sqallija/ Hi qalet li r-raġel ħarġulu s-sintomi fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet waqt li kien id-dar.

Każ ieħor jittratta Malti ta’ 62 sena li ġie mir-Renju Unit u jumejn ilu ħarġulu s-sintomi waqt li kien fi kwarantina. Il-Professur Gauci qalet li l-aħħar każ hu ta’ Malti ieħor ta’ 52 sena, li jaħdem f’kumpanija privata. Ġimgħa ilu kellu d-deni u s-sogħla u ġie kkonfermat li ħa l-infezzjoni/ Għall-awtoritajiet tas-saħħa dan huwa każ partikulari.

”Ma stajniex insibu minn fejn seta’ ġie l-kuntatt u allura dħalna fil-mod mal-persuna għax aħna nafu li inti għandek iktar ċans li jkollok espożizzjoni fejn ikun hemm iffullar u li stajna nsibu li dan kien attenda gym jiġifieri jista’ jkun li kien hemm xi ħadd li kien sintomatiku hemmhekk u b’hekk għaddiha lil dan il-persuna.”

Mistoqsija minn Television Malta jekk l-isptar jaffordjax jitlef ħaddiema fil-qasam tas-saħħa għax jintalbu joqogħdu fi kwarantina, il-Professur Gauci kienet skjetta.

”Ma nieħdu l-ebda shortcut, avolja għandna bżonnhom, l-ewwel jiġi s-saħħa tal-pazjent.”

Il-Professur Gauci tenniet l-appell biex in-nies iżommu d-distanza minn xulxin kemm jista’ jkun.

Ara l-konferenza stampa kollha hawn:

Is-Superintendent għas-Saħħa tindirizza konferenza stampa dwar il-Covid-19

Health Superintendent addresses a press conference on COVID-19

Gepostet von Television Malta am Dienstag, 17. März 2020

 

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

80 ħaddiem barrani li nstabu joqogħdu f’lukanda f’Tas-Sliema li suppost hi magħluqa b’avviż ta’ infurzar ġew ordnati mill-Awtorità tat-Turiżmu biex imorru joqogħdu f’post ieħor. Television Malta jinsab infurmat li dawn…

Lokali

Diversi ħaddiema fis-settur tas-saħħa kellhom jieħdu d-deċiżjoni diffiċli biex waqt li jservu fl-isptar fost pazjenti bil-Coronavirus, jinfirdu mill-għeżież tagħhom u jmorru joqgħodu band’ oħra. F’din is-sitwazzjoni, il-fergha taż-Żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika…

COVID-19

Minn Malta, indawru ħarsitna madwar id-dinja. Nibdew bi Spanja, fejn il-morsa tal-COVID-19 kompliet tissikka bl-ogħla għadd ta’ imwiet f’ġurnata. Rekord ta’ mwiet f’jum wieħed fi Spanja. Fl-aħħar 24 siegħa, mietu…

COVID-19

Koki li jaħdmu f’diversi ristoranti li jinsabu magħluqa minħabba r-restrizzjonijiet li saru, ma spiċċawx b’idejhom fuq żaqqhom għax xammru l-kmien u b’mod volontarju qed iħejju ikliet bnini għal ħaddiema fost…

Aktar