Droga
80% ta’ dawk li jitolbu l-għajnuna biex jegħlbu l-vizzju tad-droga huma rġiel

Il-pandemija ma waqqfitx lil min jabbuża mid-droga milli jkompli jeħodha, tant li kien irrappurtat iktar xiri ta’ sustanzi mill-internet. Skont ir-rapport nazzjonali dwar is-sitwazzjoni tad-droga f’Malta jirriżulta żieda ta’ dawk li jabbużaw mill-kannabis u l-kokaina.

Aktar minn 40 fil-mija tal-persuni li fittxew l-għajnuna biex jegħlbu l-vizzju tad-droga qalu li kellhom inqas minn 18-il sena meta bdew jesperimentaw bid-droga; filwaqt li naqas l-ammont ta’ reati marbuta ma’ traffikar u pussess ta’ droga.

Minkejja li l-postijiet tad-divertiment kienu magħluqin u n-nies kienu qed iqattgħu iktar ħin fi djarhom waqt il-pandemija, l-użu tad-droga ma naqasx. Dan joħroġ mir-rapport nazzjonali dwar is-sitwazzjoni tad-droga f’Malta, li juri kif min kien jieħu d-droga baqa’ jeħodha mid-dar u ħafna bdew jixtru s-sustanzi mill-internet. Jirriżulta li l-konsenji tad-droga waslu Malta l-iktar bil-baħar u bil-posta għal ammonti personali żgħar.

Ir-rapport jagħti stampa dettaljata tal-użu tad-droga fl-2018 u fl-2019 u juri li l-kannabis għadha l-iktar droga komuni f’pajjiżna u kompla jiżdied l-abbuż mill-kokaina. Qed jiżdied l-użu tad-drogi sintetiċi u tal-crack, tant li l-maġġoranza tal-persuni li ddaħħlu l-emerġenza b’overdose, kienu taħt l-effett ta’ dawn iż-żewġ drogi.

Jirriżulta wkoll li kien hemm żieda f’dawk li rrikorrew għall-għajnuna minħabba l-abbuż mill-eroina u l-kannabis; filwaqt li fis-sentejn mistħarrġa kienu tlieta l-imwiet fis-sena rrappurtati mir-Reġistru tal-Mortalità.

Il-maġġoranza tal-persuni li jabbużaw mill-eroina huma akbar fl-età: 72% għandhom ‘il fuq minn 35 sena; filwaqt li dawk li jabbużaw mill-kannabis għandhom bejn it-18 u l-35 sena.

Fis-sentejn li jkopri r-rapport, jidher ukoll li l-persuni li kienu qed jieħdu l-methadone naqsu b’200 persuna, tant li s-siringi li ġew użati naqsu b’aktar minn 50,000.

Carlo Olivari D’Emanuele min-National Focal Point on Drugs qal li naqsu l-emerġenzi fl-isptar u n-nies li daħlu Monte Carmeli minħabba d-droga. Qal ukoll li 80% ta’ dawk li rrikorrew għall-għajnuna, kienu rġiel. “42% ta’ dawk li talbu għajnuna għal trattament bdew jużaw id-droga taħt l-età ta’ 18-il sena, kien hemm ftit minnhom anki kellhom 9 snin meta bdew jesperimentaw bid-droga għall-ewwel darba.”

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, qal li huwa ta’ tħassib ukoll li 2.5% tal-persuni li jirrikorru għall-għajnuna huma żgħażagħ taħt it-18-il sena.

“Għandna ċ-ċentru tal-Ibwar li huwa mmirat għal hekk, jekk Alla jrid jinfetaħ din is-sena, li huwa indikat għal kollox għall-użu ta’ terapija kontra l-abbuż tad-drogi għall-minuri .Imbagħad għandek ukoll il-kampanja nazzjonali li se nagħmlu li tħabbret l-istrateġija tagħha jumejn ilu, se tkun indirizzata wkoll lejn fejn għandna bżonn u jekk għandna bżonn nagħfsu fuq id-dik il-faxxa allura nagħfsu fiha.”

Mir-rapport ħareġ ukoll li r-reati marbuta ma’ traffikar u pussess ta’ droga naqsu għal madwar 450 każ, iżda żdied l-ammont ta’ droga li nqabdet mill-awtoritajiet qabel ma spiċċat fit-triq, b’mod partikolari l-kokaina hekk kif minn 190 kilo fl-2018 din telgħat għal 700 kilo fl-2019.

Ara wkoll:

L-użu tad-droga ma naqasx fil-pandemija – kampanja edukattiva għaż-żgħażagħ dalwaqt