Lokali
800 mara tqila jmutu kuljum minn madwar id-dinja – President

In-Nazzjonijiet Magħquda qed tkompli bl-isforzi tagħha biex tnaqqas l-imwiet fost in-nisa tqal. It-tir hu li sas-sena 2030 iċ-ċifra tinżel għal inqas minn 70 mara f’kull mitt elf twelid fis-sena madwar id-dinja. Iċ-ċifra ta’ nisa li jmutu waqt it-tqala jew meta qed iwelldu hija prevalenti fil-kampijiet tar-refuġjati jew nisa li jaħarbu minn pajjiżhom ifittxu destin aħjar.

800 mara tqila jmutu kull jum madwar id-dinja. Ċifra li għandha tixxokkja lid-dinja, iżda qajla jgħaddilna minn rasna naħsbu ftit dwar il-kundizzjoni tan-nisa waqt u wara t-tqala u kemm hawn minnhom li jinsabu anke f’xifer il-mewt.

Iċ-ċifra tal-mortalità ta’ nisa tqal semmietha l-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, waqt lecture pubbliku fi New York taħt il-kappa tan-Nazzjonijiet Magħquda, minn Merck for Mothers, organizzazzjoni li taħdem b’risq is-saħħa tan-nisa li qed jistennew tarbija jew li jkunu għadhom kemm weldu. Dan għal ħafna huwa proċess naturali, iżda għal oħrajn huwa żmien fejn qed ibatu fis-skiet u dik it-tbatija, minħabba li m’għandhomx il-kura neċessarja tista’ anke twassalhom sal-mewt.

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca  qalet li “l-attenzjoni ta’ Merck for Mothers, immexxija mit-tabiba Mary-Ann Etiebet, trid tkun fuq dawk in-nisa fil-periferija tas-soċjetà fosthom fil-kampijiet tar-refuġjati u nisa li jemigraw minn pajjiżhom b’ta’ fuqhom senduqhom. Dawn ħafna drabi jispiċċaw mingħajr kura adekwata.

Mary-Ann Eriebet, Direttur Eżekuttiv ta’ Merck for Mothers qalet li “Merck for Mothers tistma li kull żewġ minuti, madwar id-dinja tmut mara tqila jew waqt li tkun qed twelled.”

Qalet li n-Nazzjonijiet Magħquda permezz ta’ Merck for Mothers qed taħdem fuq programm biex tqajjem iktar għarfien li jibda anke fost dawn in-nisa stess, biex il-mortalità ta’ nisa tqal jew li qed iweldu tkun ħaġa tal-passat.