800,000 ruħ daħlu jilgħabu fil-ħwienet tal-logħob fis-sena 2019

F’dawn id-daqsxejn ta’ gżejjer tagħna nsibu firxa wiesgħa ta’ postijiet fejn wieħed jista’ jilgħab il-logħob tal-azzard fosthom erba’ casinos, sitta u ħamsin ħanut tal-logħob, li erbgħin minnhom jinsabu fl-inħawi tal-Port il-Kbir u għexieren ta’ banek tal-lottu. Skond statistika maħruġa mill-Malta Gaming Authority jidher li fis-sena 2019 mat-tmin mitt elf ruħ daħlu jilgħabu fil-ħwienet tal-logħob. ‘Popolin’ stħarreġ il-logħob tal-azzard u l-aċċessibilità tiegħu.

Mike Orland, direttur maniġerjali fi ħdan l-Aġenzija Sedqa spjega li l-aċċess għal-logħob tal-azzard  żdied b’mod sinifikanti biss l-aċċess jiżdied għaliex ikun hemm id-domanda. Tenna li apparti li żdied l-aċċess għal dan il-logħob fil-komunitajiet, żdied ukoll fl-isfera diġitali. Saħaq li ħafna mid-drabi l-persuna, tagħżel li tilgħab il-flus biex iżid l-interess tagħha f’dak li jkun għaddej, eżempju ta’ dan huwa il-logħob tal-flus fuq il-football.

Kayne Said uffiċjal eżekuttiv għall-promozzjoni fi ħdan l-Fondazzjoni Logħob Responsabbli tenna li għandha ssir distinzjoni bejn logħob tal-flus għal skop ta’ divertiment u l-vizzju tal-logħob; “jekk il-persuna żżomm mal-linja tal-kontroll kemm fejn jidħol ħin kif ukoll flus, il-logħob ma fih xejn ħażin. Il-problema tibda tinħoloq meta tintilef dik il-linja ta’ kontroll”. Riċerka mill-istess Fondazzjoni wriet li l-ikbar faxxa ta’ nies li jilgħabu l-flus f’Malta huma ż-żgħażagħ ta’ bejn id-dsatax u l-erbgħa u għoxrin sena.