COVID-19
82 każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta, 293 oħra mfejqa u 30 l-isptar

Fl-aħħar 24 siegħa ħarġu 82 każ ġdid ta’ Covid-19 minn 3,346 ‘swab test’ li saru, waqt li 293 ġew iddikjarati mfejqa. Dan ifisser li n-numru ta’ każijiet attivi niżel għal 1,333.

Fl-istess waqt hemm 30 pazjent li qed jingħataw il-kura fl-Isptar Mater Dei minħabba sintomi tal-Covid, 5 minnhom li jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU).

In-numru totali ta’ persuni li ħadu l-virus issa tela’ għal 34,590, waqt li dawk li fiequ jlaħħqu t-32,438.

Sal-bieraħ kienu ngħataw 765,417 doża tat-tilqima, bi 401,644 minnhom ikunu l-ewwel doża. In-numru ta’ dawk li ħadu t-tilqima b’mod komplut tela’ għal 387,400.

Mill-każi ġodda li tħabbru lbieraħ l-età medja kienet ta’ 37 sena. In-numru tal-vittmi tal-Covid baqa’ 423.