Unjoni Ewropea
83% tal-Maltin u l-Għawdxin iqisu s-saħħa iktar importanti mill-ekonomija

L-istħarrig tal-Ewrobarometru li sar bejn Marzu u April li għaddew, f’għeluq is-sena tal-pandemija, juri li 83% iqisu s-saħħa iktar importanti mill-ekonomija.

Mill-istħarriġ ħareġ li 65% tal-Maltin ħassew inċertezza għax ma kinux jafu meta se jispiċċa l-Covid-19, 41 % ħassewhom frustrati waqt li 35% kienu beżgħana u kienu biss 38% li kellhom tama li l-pandemija se tgħaddi.

Mistoqsija dwar il-qagħda finanzjarja tagħhom, 43% tal-Maltin qalu li ma kellhom ebda effett fuq id-dħul tagħhom waqt li 33% qalu li naqsilhom id-dħul u 23% wieġbu li qed jistennew impatt negattiv fuq l-aspett finanzjarju. Dan ifisser li aktar minn 50% kienu affettwati ekonomikament mill-pandemija.

Il-maġġoranza ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ qalu li huma sodisfatti bil-miżuri li ttieħdu biex tiġi indirizzata l-pandemija bi kważi nofs il-Maltin wieġbu li jafu x’inhuma l-miżuri li daħlu fis-seħħ biex titrażżan l-imxija tal-Covid-19 fl-Unjoni Ewropea.

L-istħarriġ ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew wera li s-saħħa hija prijorità għall-Maltin tant li 83% qalu li din hija aktar importanti mill-aspett ekonomiku.

Il-Maltin huma kuntenti bil-miżuri li ħadet l-UE tant li 73% qalu li jinsabu sodisfatti bil-ġlieda kontra l-coronavirus, 36% qalu li jinsabu kuntenti bis-solidarjetà fi ħdanha waqt li 91% jridu li hija jkollha aktar kompetenza biex tiġġieled kriżijiet bhal dik tal-coronavirus.

Skont id-Direttur tal-Misco Lawrence Zammit, li mexxa l-istħarrig f’Malta, dawn iċ-ċifri juru l-fiduċja tal-Maltin fl-UE.

L-istħarriġ wera li l-prijoritajiet quddiem il-Parlament Ewropew għandhom ikunu s-saħħa pubblika b’54% tal-Maltin isostnu dan.

Kien hemm 48% li jridu li tittieħed azzjoni dwar it-tibdil fil-klima, 33% jixtiequ aktar miżuri għall-ħolqien tax-xogħol, 31% iridu li jkun miġġieled il-faqar waqt li l-istess ammont tinkwitahom il-problema tal-immigrazzjoni.