Politika
Il-PM jgħid li t-teħid tal-vaċċin huwa dmir ċiviku

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li t-teħid tal-vaċċin huma dmir ċiviku u appella li dawk li s’issa għadhom ma tlaqqmux sabiex jagħmlu dan ħalli l-pajjiż jkompli joqrob lejn in-normalità.

Intervistat il-Ħadd filgħodu fuq One Radio, Dr Abela qal li l-vaċċin huwa s-soluzzjoni b’xhieda ħajja ta’ dan ikun in-numri rrappurtati din il-ġimgħa hekk kif il-maġġoranza tal-persuni infettati ma ħadux il-vaċċin.

Dr Abela wera fiduċja sħiħa fit-tilqima u qal li jekk l-awtoritajiet tas-saħħa jagħtu l-barka biex tfal taħt it-12 il-sena jitlaqqmu huwa stess se jkun minn tal-ewwel biex ilaqqam lil bintu.

Dwar il-miżuri addottati nhar il-Ġimgħa, li fost l-oħrajn se jirrestrinġu l-ivvjaġġar lejn Malta għal dawk li mhux imlaqqma kompletament, Dr Abela rrimarka li Malta hija l-uniku pajjiż tal-Unjoni Ewropea li ħa din il-pożizzjoni.

Huwa semma wkoll li r-regolamenti li se jidħlu fis-seħħ nhar l-Erbgħa li ġej permezz ta’ avviż legali se jinkludu dispożizzjoni għal dawk il-Maltin li jinsabu barra biex jirritornaw Malta taħt l-istess regoli li kienu telqu.

Dr Abela qal li s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika se jkollha s-setgħa li tagħti eżenzjoni lil dawk il-persuni li minħabba kundizzjonijiet mediċi ma jistgħux jitlaqqmu. F’dan l-isfond Dr Abela appella biex l-Oppożizzjoni tinsa’ l-argumenti partiġġjani u tingħaqad mal-Gvern għall-messaġġ li t-tilqima hija s-soluzzjoni.

Fuq l-ekonomija, Dr Abela wera ruħu sodisfat bit-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea u dak tal-aġenzija tal-kreditu DBRS u qal li dan tal-aħħar semma l-pjan ta’ tilqim u r-riformi governattivi.

Huwa żied li r-rata tal-qgħad kompliet tonqos u tinsab fl-iktar livell baxx meta mqabbel mal-aħħar snin waqt li semma wkoll il-bejgħ tal-propjetà li żdied b’€100 miljun f’xahar wieħed, il-produzzjoni industrijali li żdiedet bi 8% u l-bejgħ fil-ħwienet li wkoll żdied b’rata ta’ 22%. Dan kollu, qal il-Prim Ministru, jimlih bil-kuraġġ għall-futur.

Dr Abela kkritika lill-Kap tal-Oppożizzjoni, li sejjaħlu popolist u li jieħu d-deċiżjonijiet skont dak li jsegwi fuq il-midja soċjali, u qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab maqbud f’narrattiva fejn dak kollu li jseħħ f’Malta huwa ħażin u negattiv.

Dr Abela kompla li din il-ġimgħa l-Partit Laburista baqa’ jiġġedded u jaqsam il-ħsibijiet għall-futur. Huwa qal li l-moviment jibqa’ tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem waqt li jibqa’ jipprattika s-sens ta’ għaqal f’kull aspett ta’ tmexxija.

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista stqarr li l-ġid kollu ma jiswa xejn jekk ma jissarrafx f’titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.