85% tal-każijiet ta’ stupru ma jiġux rappurtati

Studju maħruġ mill-Università ta’ Malta jindika li 85% tal-każijiet ta’ stupru qatt ma jiġu rappurtati u għalhekk il-vittma jagħmel għomru jsofri fis-skiet. ‘Popolin’ iddiskuta l-abbuż sesswali filwaqt li analizza x’qed isir biex vittma tiġi nkoraġġata titkellem fuq dak li tkun għaddiet minnu.

Tkellimna ma’ Jessica Callejja Millo, Direttur ta’ Victim Support Malta li tkellmet fuq il-fatt li ħafna mill-każijiet rapportati jittrattaw reati li jiġru fid-djar stess, bl-aggressuri jkunu familjari jew persuni qrib ħafna tal-familja. Callejja Millo spjegat li huwa kruċjali li l-ġenituri jkunu totalment konvinti minn kemm tkun affidabbli persuna qabel ma jħallu lil uliedhom ma’ xi ħadd. “Iva, sfortunatament din hija realtà biss dan ma jfissirx li ma nistgħu nafdaw lil ħadd irridu nkunu konxji li dawn l-affarijiet jeżistu”.

Minn naħa tagħha Josephine Muscat, Operations Manager fi ħdan il-Kura għall-Vittmi ta’ Attakk Sesswali saħqet li ma rridux naljenaw rasna għas-sinjali li jkun hemm quddiemna; “kultant ikun hemm sinjali li t-tfal jibdew juruna, imma tant inkunu aljenati li lanqas biss nibdew nindunaw. Irridu nkunu sensittivi, speċjalment meta nħallu t-tfal tagħna ma’ xi ħadd, anke ma membri tal-familja”. Żiedet tgħid li huwa fundamentali li nwasslu messaġġ ċar li l-vittma ma għandiex tort għal dak li tkun għaddiet minnu. Ħafna drabi min ġarrab dan l-abbuż iħoss sens ta’ ħtija li b’xi mod għandu tort għal dak li jkun ġara, iżda dan mhux il-każ.

L-Ispettur Joseph Busuttil tenna li l-aggressuri ta’ dawn ir-reati kriminali ma għandhomx profil partikolari. “Jkun hemm individwi li jaħsbu kontinwament biex jagħmlu dan it-tip ta’ reat bil-għan li jkollhom att sesswali ta’ sfida”. Busuttil spjega li għal dawn il-persuni ma jkunx biżżejjed li jkollhom att sesswali hekk imsejjaħ normali mal-partner, ifittxu dik il-ġlieda mal-vittma. Żied jgħid li fil-maġġor parti tal-każijiet il-profil ivarja bejn persuni ta’ età żgħira, kbira u saħansitra minuri.

Huwa saħaq li l-Pulizija tieħu bis-serjetà kull akkuża ta’ abbuż sesswali li ssir. Mistoqsi mill-preżentatur x’jiġri meta persuna tallega li għaddiet minn abbuż sesswali u ma jkunx minnu, l-Ispettur spjega li f’dak il-każ il-pulizija tiftaħ proċeduri kriminali kontra min jivvinta u jakkuża falz.