Lokali
87,000 student ġew Malta biex jitgħallmu l-Ingliż fl-2018

Is-sena li għaddiet ftit aktar minn 87,000 student ġew Malta biex jitgħallmu l-Ingliż f’xi waħda mill-iskejjel li tipprovdi das-servizz.

Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li 27% minnhom ġew mill-Italja waqt li s-suq tal-Ġermanja (11.5%) u ta’ Franza (10.2 %) kienu l-aktar importanti għal din l-industrija wara s-suq Taljan.

Iktar minn terz ta’ dawn l-istudenti kellhom 15-il sena jew inqas. Il-parti kbira tal-istudenti li ġew Malta biex jitgħallmu l-Ingliż ġew fit-tliet xhur tas-sajf u Lulju kien l-aktar xahar bieżel b’aktar minn 20, 300 student.

Inqas minn erbgħa minn kull mitt turist li ġew Malta s-sena l-oħra, ġew biex jattendu korsijiet tal-Ingliż. Bħala medja, l-istudenti tal-Ingliż iqattgħu gimagħtejn u nofs f’Malta għalkemm studenti mhux Ewropew fosthom mill-Kolombja u mill-Korea damu Malta bejn 11-il ġimgħa sa tmien ġimgħat rispettivament.