Ekonomija u Finanzi
88% ta’ min iħaddem jara impatt ħażin fuq l-ekonomija bid-deċiżjoni tal-FATF

Il-maġġoranza ta’ min iħaddem temmen li d-deċiżjoni tal-Financial Action Task Force (FATF) se jkollha impatt negattiv fuq in-negozju tagħhom.

Dan joħoroġ minn studju li ħejjiet l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) u li eżamina l-perċezzjonijiet tan-negozji fl-isfond tad-deċiżjoni tal-FATF.

F’konferenza tal-aħbarijiet, id-Direttur Ġeneral tal-MEA Joseph Farrugia qal li f’dan l-istudju ħadu sehem 190 persuna li flimkien jirrappreżentaw 230 kumpanija.

Huwa spjega kif 88% qalu li d-deċiżjoni tal-FATF se jkollha impatt negattiv fuq l-ekonomija waqt li 71% qalu li se jkollha effett ħażin fuq in-negozju tagħhom.

Kienu 2% li qalu li d-deċiżjoni tal-FATF mhu se jkollha l-ebda impatt fuq in-negozju tagħhom waqt li 10% qalu li għadhom ma jafux.

Farrugia semma kif teżisti differenza fil-perċezzjoni bejn negozji li joperaw f’industriji differenti b’89% ta’ dawk li joperaw fis-servizzi finanzjarji jemmnu li l-lista l-griża se taffetwa in-negozju tagħhom b’kuntrast mat-62% tan-negozji li joperaw fit-turiżmu, manifattura u l-bejgħ bl-imnut.

Farrugia qal li dan l-istudju jwitti t-triq sabiex il-partijiet interessati kollha jaħdmu flimkien biex Malta terġa’ ssib posta fuq il-lista l-bajda.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MEA żied li l-istudu kkonkluda li n-nuqqas ta’ trasparenza, il-possibilità ta’ ħasil ta’ flus u l-korruzzjoni waslu għal din id-deċiżjoni.