COVID-19
9 każijiet ġodda ta’ Covid-19 f’Malta – telgħu għal 393

Illum kienu kkonfermati 9 każijiet ġodda ta’ Covid-19 f’Malta, biex issa t-total ta’ persuni infettati tela’ għal 393, li minnhom 44 huma mfejqa. Waqt il-konferenza stampa tal-lum, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li lbieraħ saru 1,051 swabs, waqt li b’kollox s’issa saru 19,921 swabs.

Fost il-każijiet ġodda hemm tliet immigranti residenti fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far fejn l-awtoritajiet tas-saħħa qed ikomplu jżommu għajnejhom fuqu b’testijiet għal virus waqt li l-post u r-residenti tiegħu jinsabu fi kwarantina. Il-Professur Gauci qalet li ta’ kuljum isiru testijiet biex jaraw jekk kienx hemm każi ġodda. Qalet li lbieraħ saru 20 test u minnhom instabu dawn it-tliet każijiet, kollha rġiel wieħed mill-Kosta tal-Ivorju, ieħor mit-Tuneżija u ieħor mis-Sudan.

Każ ieħor jinvolvi care worker Indjana ta’ 34 sena. Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li fid-djar tal-anzjani qed tiġi mplimentata sistema ta’ lockdown tal-carers mar-residenti u wara numru ta’ jiem, jinbidel ix-shift. Qalet li dan il-każ inqabad mill-iscreening li sar lill-carers qabel inbidel ix-shift u daħħlu fir-residenza u għalhekk, din il-carer ma daħlitx għax-xogħol.

Mara Ingliża ta’ 23 sena li tgħix Malta irriżultat pożittiva għall-Covid-19. Hija bdiet tħoss is-sintomi fis-6 ta’ April iżda ġurnata qabel marret ix-xogħol, bil-Professur Gauci qalet li għaddej contact tracing tal-kollegi tagħha tax-xogħol.

Mara oħra ta’ 50 sena ukoll irriżultat pożittiva għall-virus li ma marritx għax-xogħol minn meta bdiet tħoss is-sintomi.

It-tliet każi l-oħra huma rġiel. Wieħed anzjan ta’ 71 sena li beda bis-sintomi ta’ uġigħ ta’ ras u deni fil-11 t’April. Il-Professur Gauci qalet li dan l-anzjan huwa rtirat u għaddej contact tracing mal-membri tal-familja tiegħu.

Raġel ieħor ta’ 48 sena, ukoll beda jħoss is-sintomi fil-11 t’April iżda hu l-aħħar li daħal għax-xogħol kien fid-9 t’April.

L-aħħar każi mill-każ mill-ġodda huwa ta’ raġel ta’ ta’ 30 sena li beda bis-sintomi fil-11 t’April u għaddej contact tracing fuq il-post tax-xogħol tiegħu biex ikun magħruf jekk il-kollegi tiegħu humiex f’riskju.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li r-rata ta’ trasmissjoni tal-virus f’Malta hija inqas minn kemm normalment jinfirex dan il-virus.

“L-R Factor huwa kemm huwa kemm il-virus jiġi trasmess minn persuna għall-oħra jiġifieri jekk inti għandek R factor ta’ 1, kull persuna se jgħaddih minn persuna għall-oħra. Aħna sibna minn pajjiżi oħra li l-R0 barra minn Malta hija ta’ 2.2, minn studji li saru barra minn Malta. Dan l-R factor iżda jinbidel biċ-ċirkostanzi u bil-miżuri li jieħdu l-pajjiżi u l-iskop tagħna hu li kemm jista’ jkun nniżżlu dan l-R Factor biex kemm jista’ jkun ikollok inqas nies li qed jittrasmettu l-virus,” spjegat il-Professur Gauci.

Il-Professur Gauci qalet li għad hemm volatilità fix-xejriet tal-Covid-19 f’Malta, b’numri f’xi ġranet baxxi u f’oħrajn għolja. Qalet li f’popolazzjonijiet żgħar bħal Malta, in-numri ivarjaw. Spjegat li l-miżuri jridu jkomplu jkun segwiti għaliex għad ma hemmx indikazzjoni li l-akbar għadd ta’ każi ntlaħaq u l-imxija kienet kkontrollata. Wissiet li r-riperkussjonijiet fuq saħħet il-persuni li huma vulnerabbli jistgħu ikunu serji jekk ikun hemm min ma josservax id-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa u jerħi mill-prekawzjonijiet.

Sadanittant, tista’ ssegwi l-konferenza hawn:

Gepostet von Television Malta am Dienstag, 14. April 2020

Ara wkoll:

19 mit-393 każ ta’ Covid-19 f’Malta huma health care workers minn Mater Dei

Sa nofsillejl il-laboratorji jkunu għaddejjin bit-testijiet tal-Covid-19

“M’hemm l-ebda indikazzjoni li Malta laħqet il-quċċata” – Prof Gauci

 

Aħbarijiet Oħra
Ekonomija u Finanzi

Id-Dipartiment tad-Dwana ħabbar li minn Ottubru li ġej, lubricating oil, magħruf ukoll bħala petroleum oil, u tabakk tal-‘water-pipe’, ma jistgħux jinbigħu mingħajr ma jkunu ssiġillati bit-timbru tas-sisa. Fi stqarrija d-Dipartiment…

Lokali

Fid-dawl tad-delitt tal-ġimgħa l-oħra f’Ħal Millieri allegatament imwettaq minn żewġ żagħżagħ ta’ 18-il sena ħafna tkexkxu li dan ir-reat twettaq minn żgħażagħ u esprimew tħassib dwar il-ġenerazzjoni preżenti, madanakollu l-istoriku…

Politika

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni hu senisttiv għall-karba tan-nies, sema’ lin-nies jitkellmu u jrid jkun hu li jagħti r-risposti. Dr Abela qal dan…

Aktar