COVID-19
9 każijiet ġodda tal-COVID-19 f’Malta

Fil-jum tal-Ħamis ġew irreġistrati 9 każijiet ġodda tal-COVID-19 f’Malta. Aktar kmieni, il-Ministeru għas-Saħħa qal li 19-il immigrant ukoll ittestjaw pożittiv għall-COVID-19. B’hekk issa f’Malta hawn 55 każ attiv flimkien mal-85 immigrant li huma pożittivi wkoll. Il-Ministeru għas-Saħħa qal li erba’ każijiet mid-9 huma marbuta mal-festa ta’ Santa Venera filwaqt li l-oħrajn huma każijiet sporadiċi. L-età tad-9 persuni hija anqas minn 35 sena. Fl-aħħar 24 siegħa saru 1,722 swab test u s’issa b’kollox saru 125,658.

Intant, waqt li l-Każin tal-Banda San Pietru tal-Ktajjen ħabbar li ħassar l-attivitajiet relatati mal-festa ta’ tmiem il-ġimgħa minħabba ż-żieda fil-każijiet, il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN tat direttivi lill-infermiera kollha membri tagħha biex mit-Tnejn li ġej jibdew isegwu direttivi industrijali f’każ li l-Gvern ma jindirizzax sitt punti msemmija fl-istqarrija fosthom garanzija li jitħassru l-attivitajiet kollha tal-massa fosthom parties internazzjonali li mistennija jsiru f’Malta matul dan is-sajf. Id-direttivi li tat jinkludu li ma jħaslux lill-pazjenti u limitazzjonijiet fil-formoli li jimlew. Il-President tal-MUMN, Paul Pace qal li l-fatt li qed jitħallew isiru attivitajiet tal-massa u turisti minn pajjiżi b’riskju għoli, waslu biex bħalissa 30 infermier jinsabu fi kwarantina.

Il-Kamra tal-Ispiżjara qalet li bħal Assoċjazzjoni tat-Tobba, il-MAM qed tiddikjara tilwima industrijali mal-Gverb fuq dik li sejħet intransiġenza u talli rrenda inutli, is-sagrifiċċji tal-professjonisti tas-saħħa fosthom l-ispiżjara. Il-Kamra qalet li qed iżżomm lill-Gvern, l-organizzaturi u l-parteċipanti ta’ avvenimenti tal-massa responsabbli talli qed jipperikolaw is-saħħa u s-sigurtà tal-ispiżjara.

Il-Kummissarju għas-Saħħa fl-Uffiċċju tal-Ombudsman Charles Messina iddikjara li huwa jaqbel li għandhom jitwaqqfu minnufih l-attivitajiet tal-massa. Fi stqarrija, il-Kummissarju Charles Messina qal li mill-evidenza disponibbli, m’hemmx dubju li hemm bzonn li tittiehed azzjoni qabel is-sitwazzjoni issir waħda iddisprata. Qal li fl-aħħar xhur saru sagrifiċċji kbar mill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, mill-pubbliku u min-negozjiu, u għalhekk ghandu jiġi zgurat li dak li nkiseb ma jintilifx. Il-Kummissarju għas-Saħħa qal li f’dan l-istadju hemm bżonn ta’ direzzjoni mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Ara wkoll:

19-il immigrant pożittiv għall-COVID-19

Aħbarijiet Oħra

Is-Segretarju tal-Kumitat tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Magħquda, Gulnara Roll, faħħret lill-Gvern għat-tfassil tas-sistema nazzjonali ta’ housing. Is-sinjura Roll kienet qed titkellem waqt konferenza organizzata mill-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u n-Nazzjonijiet Magħquda…

Tikkarga l-ġirja elettorali għall-elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti nhar it-3 ta’ Novembru. Eliġibbli jivvutaw iktar minn 156 miljun ruħ, fosthom ċittadini Amerikani li jgħixu barra pajjiżhom. F’Malta u Għawdex hawn madwar…

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-progress soċjali u edukattiv tat-tfal hu kruċjali, għalhekk sostna li importanti li l-iskejjel jinfetħu, kemm jekk tingħata edukazzjoni online, kemm li t-tfal imorru fiżikament…

Aktar