Immigrazzjoni
90 immigrant ieħor salvati dal-lejl jittieħdu fuq il-Captain Morgan

TVM jinsab infurmat li matul il-lejl li għadda, grupp ta’ madwar 90 immigrant li ġew salvati fil-Mediterran fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta ttieħdu fuq vapur tal-Captain Morgan li jinsab fl-ibħra internazzjonali. Fost l-immigranti salvati kien hemm seba’ nisa u tfal li ddaħħlu Malta. TVM jista’ jikkonferma li abbord it-tliet vapuri tal-Captain Morgan, issa hemm aktar minn 300 immigrant u abbord m’hemm ebda nisa u tfal.

Kważi xahar mindu l-ewwel grupp ta’ immigranti irregolari li ġew salvati u tpoġġew fuq il-vapur Europa II tal-Captain Morgan, il-Kummissjoni Ewropea qalet li s’issa tliet pajjiżi urew l-intenzjoni li jieħdu uħud minhom: Franza, il-Lussemburgu u l-Portugall.

Fi tweġiba għal sensiela ta’ domandi ta’ TVM, il-Kummissjoni Ewropea qalet li s-sitwazzjoni teħtieġ soluzzjoni urġenti u l-immigranti jitniżżlu f’port sigur. Il-kelliema għall-Kummissjoni qalet li l-awtoritajiet Maltin ikkonfermaw li huma lesti biex din il-ġimgħa jsiru laqgħat dwar aspetti relatati mar-rilokazzjoni u r-ritorn tal-immigranti.

Il-Kummissjoni Ewropea qalet li tifhem id-diffikultajiet li ġabet magħha l-pandemija, iżda tistenna li l-istati membri jimxu mal-obbligi tal-liġijiet Ewropej u internazzjonali. Il-Kummissjoni qalet li għaddejja b’diskussjonijiet intensivi mal-istati membri biex juru solidarjetà u jirrilokaw aktar minn 300 immigrant li jinsabu abbord il-vapuri tal-Captain Morgan u dawk li tniżżlu Malta.

Il-Kummissjoni qalet li apparti d-diskussjonijiet politiċi, għaddejja b’ħidma għal soluzzjonijiet ta’ natura operattiva, u semmiet laqgħa teknika li kellha mal-awtoritajiet Maltin bħal-lum ġimgħa.

Il-Kummissjoni qalet li għadha qed teżamina t-talba ta’ Malta għall-għajnuna finanzjarja. Madanakollu tenniet it-tweġiba li tat ġimgħatejn ilu meta indikat li Malta tista’ ma tkunx eleġibbli għal ghajnuna Ewropea għaliex il-vapuri tal-Captain Morgan qegħdin f’ibħra internazzjonali li ma jaqgħux fir-responsabbiltà tagħha.

Mistoqsija dwar x’azzjonijiet konkreti qed tieħu biex tindirizza l-kriżi li hemm fil-Libja, il-Kummissjoni Ewropea qalet li minkejja l-instabbiltà li hemm, l-Unjoni Ewropea baqgħet toffri appoġġ lill-gwardja tal-kosta Libjana biex iwettqu ħidma ta’ tiftix u salvataġġ u jwaqqfu t-traffikar tal-immigranti,

Fl-aħħar jiem, il-Gwardja Kostali Libjana interċettaw dgħajsa b’madwar 400 immigrant u reġgħu ħaduhom il-Libja,

F’kumment fuq is-sit soċjali tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo, faħħar l-azzjoni tal-gwardja tal-kosta Libjana. Żied li mill-bidu tas-sena, madwar 7,000 immigrant kienu ttraffikati fil-Mediterran biex jaqsmu lejn l-Ewropa, bi kważi nofshom iddaħħlu lura l-Libja mill-Gwardja Kostali.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Fl-aħħar 24 siegħa ħareġ każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta, wara li saru 809 swab test. Dan huwa każ lokali u sporadiku, bil-persuna li ma kellhiex sintomi. Il-Ministeru għas-Saħħa qal ukoll…

Qorti

Annise Bejaoui ta’ 31 sena ntbagħat tliet snin u sitt xhur ħabs filwaqt li tilef garanzija personali ta’ €10,000 wara li nstab ħati ta’ tentattiv ta’ serq kif ukoll bi ħsara volontarja…

Turiżmu

Malta ġiet ippremjata b’ Connoisseur Circle Hospitality Award bħala l-aqwa destinazzjoni kulturali din is-sena. It-tim tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fil-Ġermanja rċieva l-unur tal-Cultural Getaway of the Year 2020, bħala l-aħjar destinazzjoni…

Knisja Maltija

Id-Djoċesi ta’ Għawdex ħabbret li l-konsagrazzjoni ta’ Monsinjur Anton Teuma bħala d-disa’ isqof tad-djoċesi u l-ingress solenni tiegħu fil-Katidral fil-Belt Victoria ser isir fit-13 ta’ Settembru filgħaxija. Bħala motto għall-episkopat…

Aktar