Edukazzjoni
91 żagħżugħ u żagħżugħa jtemmu b’suċċess il-programm Youth.inc

91 żagħżugħ u żagħżugħa, ħadu sehem fil-programm tal-Youth.inc fi tliet livelli differenti. Il-programm joffri esperjenza edukattiva liż-żgħażagħ ta’ bejn l-età ta’ 16 u 21 sena li jixtiequ jkomplu jibnu fuq l-esperjenza edukattiva tagħhom u jwessgħu l-għarfien tagħhom, il-valuri u l-ħiliet biex jew jidħlu fil-qasam tax-xogħol jew biex jiggwadanjaw kwalifiki biex ikomplu t-taħriġ tagħhom.

Li jagħmel dan il-programm differenti minn oħrajn hu li joffri sistema unika ta’ tagħlim mhux formali minn youth workers billi japplikaw il-filosofija ta’ ‘learning by doing’.

Youth.inc huwa mmexxi minn Aġenzija Żgħażagħ, li bil-ħidma tagħha mfassla madwar il-bzonnijiet taż-żgħażagħ, tkompli ssaħħaħ l-irwol kumplimentari tat-tagħlim formali u mhux formali.

Youth.inc għandu żewġ livelli ta’ dħul skont il-Qafas Malti għall-Kwalifiki u huwa mmirat biex joffri għajnuna liż-żgħażagħ biex jiksbu kompetenzi ewlenin, ħiliet settorjali u tisħiħ fl-għarfien f’livelli differenti. Jiġi offrut bħala programm full-time f’Livell 1, Livell 2 u Livell 3 fil-kumpless ta’ Aġenzija Żgħażagħ f’Santa Venera.

Waqt ċeremonja fil-bini tal-Aġenzija Żgħażagħ, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima, qassmu ċ-ċertifikati lil dawk l-istudenti li temmew id-diversi stadji tal-programm Youth.inc.