MEUSAC
98.9% tal-bajjiet fil-Gżejjer Maltin huma tajbin għall-għawm

Kull sena, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tippubblika rapport dwar il-kwalità tal-ilma għall-għawm fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, aktar kmieni dan ix-xahar, kienu ppubblikati r-riżultati tal-2018. Ir-rapport kien imfassal permezz ta’ informazzjoni miġbura minn aktar minn 21,000 sit għall-għawm fit-28 Stat Membru.

Dan ir-rapport jerġa’ jikkonferma li s-sitwazzjoni fl-Unjoni Ewropea hi waħda pożittiva ħafna, hekk kif medja ta’ 95% tas-siti jilħqu l-istandards minimi. F’Malta 98.9% tas-siti huma ta’ kwalità eċċellenti għall-għawm.

L-ewwel Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Ilma għall-Għawm ġiet imfassla iktar minn 40 sena ilu.

Biha, l-Unjoni Ewropea kienet fuq quddiem nett fejn jidħol il-ħarsien tal-ibħra tagħha u tal-Istati Membri. Fl-2006, id-Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm ġiet riveduta u ssimplifikat ir-regolamenti eżistenti. Id-Direttiva tesiġi li l-Istati Membri jivvalutaw l-ilma għall-għawm billi jsiru għadd ta’ testijiet li jiddeterminaw il-livelli ta’ batterji fl-ilma. Barra minn hekk, skont id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-pubbliku dwar il-kwalità tal-ilma għall-għawm u l-istat tal-bajjiet individwali, billi joħorġu ‘profili tal-ilma għall-għawm’. Dawn il-profili jipprovdu informazzjoni dwar il-livell ta’ kwalità tal-ilma għall-għawm, jekk hemmx xi tip ta’ tniġġis li jaffettwaw il-kwalità tal-ilma u xi riskju għas-saħħa tal-għawwiema.

F’Malta, il-kwalità tal-ilma għall-għawm hija ttestjata kull sena matul perjodu ta’ 23 ġimgħa li
jikkorrispondi għall-istaġun uffiċjali tal-għawm li jibda fit-tielet ġimgħa ta’ Mejju u jagħlaq fit-tielet ġimgħa ta’ Ottubru. Il-kejl u l-analiżi tar-riżultati jsiru skont il-parametri tal-liġi tal-Unjoni Ewropea.

Kull sena, id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali jippubblika 29 profili li jkopru 87 żoni tajbin għall-għawm f’Malta. F’dawn il-profili dettaljati, wieħed jista’ jsib informazzjoni rigward il-qagħda tal-ilma fil-bajjiet magħżula. Ma’ din l-informazzjoni, wieħed jista’ jsib ukoll in-numri li wieħed għandu jċempel jekk jinzerta każ ta’ tniġġis fl-ilmijiet ta’ waħda mill-bajjiet Maltin. Waqt il-ħinijiet tax-xogħol wieħed jista’ jċempel 2182 7146.

Wara l-ħinijiet tax-xogħol, fi tmiem il-ġimgħa jew f’festi pubbliċi, wieħed jista’ jċempel 7950 9978 (Malta) jew 7950 9919 (Għawdex).

Minkejja din il-ħidma magħmula b’reqqa mill-awtoritajiet, importanti li niftakru li bħala ċittadini, aħna wkoll nistgħu nagħmlu d-differenza u nżommu kemm il-bajjiet u kif ukoll l-ibħra tagħna nodfa wara li nkunu gawdejniehom aħna, biex ikun jista’ jgawdihom ħaddieħor. Barra minn hekk, inkunu qed ngħinu wkoll inżommu kwalità għolja tal-ilma għall-għawm f’Malta.

 

Tagħrif miġbur minn:

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum Times of Malta tippubblika ritratt tal-oġġetti sagri tal-fidda f’ħanut tal-antikitajiet li huma propjetà tal-Ordni Agostinjana li għinu lill-Pulizija jsibu ċ-ċensier u n-navetta li kienu…

Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li fl-14 ta’ Ottubru se jerġa’ jmur fil-Qorti Kostituzzjonali biex tinstema’ x-xhieda tal-Ministri Chris Cardona, Edward Scicluna u Konrad Mizzi u jgħidu kif ikkwotaw…

Edukazzjoni

L-għan taċ-ċentru interattiv tax-xjenza, Esplora, hu li jservi ta’ pont bejn it-teorija u l-prattika. Iċ-ċentru fil-Kalkara ppreżenta l-programm edukattiv għas-sena skolastika li ġejja lill-għalliema, li ngħataw preżentazzjoni dwar il-faċilitajiet u…

Kultura

Fil-Villa Schinas, f’Tas-Sliema, grupp ta’ żgħażagħ Slimiżi għaddejjin bit-tħejjijiet għad-dramm Demm il-Parrucchier, produzzjoni teatrali li ser tfakkar lil Manwel Attard, wieħed mill-vittmi tal-irvellijiet li seħħew fis-7 ta’ Ġunju, ta’ mitt…

Aktar