Ambjent
99% taż-żoni għall-għawm f’Malta bi kwalità tal-ilma eċċellenti

Skont rapport tal-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent, kważi 99% taż-żoni għall-għawm fil-gżejjer Maltin għandhom kwalità tal-ilma eċċellenti waqt li l-medja fl-Unjoni Ewropea hija ta’ 85%. Mir-rapport joħroġ li Malta għandha t-tieni l-aħjar kwalità tal-ilma baħar wara Ċipru waqt li l-agħar ilma baħar instab fil-Polonja.

Minn 87 sit għall-għawm madwar Malta u Għawdex fejn ittieħdu kampjuni tal-ilma għall-analiżi, 86 kisbu ċertifikat ta’ eċċellenza għall-kwalità tal-ilma waqt li sit wieħed biss fl-inħawi tax-Xlendi kiseb marka inqas tajba għalkemm xorta huwa tajjeb għall-għawm. Dan wassal biex għat-tielet sena konsekuttiva Malta kisbet kwalità ta’ eċċellenza ta’ 98.9%, it-tieni wara Ċipru li kiseb 99.1%. Il-medja ta’ eċċellenza fl-Unjoni Ewropea hi ta’ 85.1%.

Fl-2018, l-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent b’koperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea spezzjonat aktar minn 22,000 sit għall-għawm f’30 pajjiż u dawn ġew ikklassifikati bħala ‘eċċellenti’, ‘tajbin’, ‘suffiċjenti’ u ‘ħażin’.

F’Malta ma kien hemm l-ebda żoni tal-għawm li kklassifikaw bħala suffiċjenti jew ħżiena. Madankollu, fl-Ewropa kien hemm 289 sit bi kwalità tal-ilma ħażina, ħafna minnhom fil-Polonja. L-Aġenzija Ewropea qalet li jekk wieħed jibla’ ilma ta’ kwalità ħażina jista’ jkollu effetti fuq saħħtu, partikolarment l-istonku.

L-Aġenzija Ewropea qalet li t-titjib li sar fl-aħħar snin fil-kwalità tal-ilma baħar hu riżultat tal-investimenti f’proġetti bħat-tisfija ta’ drenaġġ li Malta permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienet u għadha minn ta’ quddiem fihom.

Ir-rapport annwali jsir bil-għan li jgħin lill-għawwiema u kull min juża l-baħar għar-rikreazzjoni jew rilassament biex ikun jaf jekk l-ilma fiż-żoni li jiffrekwenta jilħaqx l-istandards għolja tal-Unjoni Ewropea.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Riċerkatur Malti sab l-ismijiet ta’ kważi elf wied f’Malta, Għawdex u Kemmuna. Jispjega li fost affarijiet oħra, l-ismijiet tal-widien f’Malta huma klassifikati fi tlieta; dawk ġejjin minn ismijiet tan-nies, ta’…

Stejjer Umani

Velimir Dulo mis-Serbja, ilu Malta aktar minn sentejn jaħdem bħala technician. Fis-Sajf li għadda ingħaqdu miegħu martu u ż-żewġ uliedu, fosthom Nevena Dulo ta’ 11-il sena li anke bdiet tattendi…

Protezzjoni Ċivili

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ffirma ftehim ta’ koperazzjoni mas-Singapore Civil Defence Force. B’dan il-ftehim l-forzi tal-protezzjoni ċivili ta’ Singapore se jipprovdu espert tagħhom b’xejn lid-dipartiment tal-protezzjoni ċivili, fosthom għat-tfassil ta’ pjan…

Lokali

Il-kuntistabbli Ryan Paul Tonna, li miet ħabta u sabta meta faga fl-ikel wara maratona fl-Italja, qal li beda l-atletika minħabba f’ibnu biex ikun ta’ eżempju tajjeb għalih. F’messaġġ fuq il-paġna…

Aktar