Abela: Malta trid issaħħaħ il-preżenza tagħha fl-aġenzija Ewropea tad-difiża

Il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela qal li Malta trid issaħħaħ il-preżenza tagħha fl-Aġenzija Ewropea tad-Difiża. Hu saħaq dan f’laqgħa mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija li fiha ddiskutew l-involviment ta’ Malta fil-proġetti u l-attivitajiet fl-isfond tal-istrateġija globali tal-Unjoni Ewropea u l-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Jannar li ġej.

Il-budget tad-difiża ta’ Malta hu ta’ €70 miljun jew 0.6 fil-mija biss tal-ġid kollu li tiġġenera l-ekonomija Maltija, l-inqas fl-Unjoni Ewropea. Minkejja dan, Malta minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha għandha obbligi u sfidi biex tħares id-difiża.

F’dan il-kuntest u 10 xhur bogħod minn meta Malta tassumi l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela kellu laqgħa mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea tad-Difiża, Jorge Domecq bil-ħsieb li Malta ssaħħaħ il-koperazzjoni ma’ din l-aġenzija.

Carmelo Abela Difiza (1)“Sħaqna fil-meeting li kellha mal-Kap Eżekuttiv li għana nikkorepaw f’oqsma lil hinn mill-aspett militari iżda fuq kollox l-aspett marittimu fosthom pollution li hi marbuta mal-baħar,” qal il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Jorge Domecq qal li mal-Ministru Abela iddiskuta l-mod kif l-Aġenzija tista’ tgħin lil Malta fil-prioritajiet għall-Presidenza speċjalment fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni għas-sigurtà marittima fil-Mediterran. Mistoqsi dwar ix-xewqa tal-Gvern Malti li jżid il-parteċipazzjoni f’din l-Aġenzija, is-Sur Domecq qal li l-Aġenzija tqies kull pajjiż – żgħir jew kbir – bl-istess mod.

“In thecase of Malta there are many activities rangin from maritime surveillance to counter explosive devices to training of air crew that we can support,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea tad-Difiża, Jorge Domecq.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea tad-Difiża qal li fid-dawl tal-isfidi kbar li qed tiffaċċja l-Ewropa fil-qasam tas-sigurta, jeħtieġ aktar investiment u tisħiħ tal-koperazzjoni bejn l-istati membri.