Aġġornat: AD: il-kunsill lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ akkumula dejn ta’ €1.3 miljun

Iċ-chairperson ta’ Alternattiva Demokratika Arnold Cassola qal li l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ akkumula dejn ta’ €1.3 miljun. Quddiem id-daħla tal-Lokalità, Cassola qal li f’Ħaż-Żebbuġ sar dan id-dejn kollu u l-istat tat-toroq għadhom ħżiena. Hu staqsa kif se jkun qed jopera l-Kunsill Żebbuġi fil-ħames snin li ġejjin meta l-allokazzjoni finanzjarja mill-Gvern hi baxxa u l-kunsill għandu dan l-ammont ta’ dejn. Qal li l-Kunsill Laburista ħallas fost l-oħrajn 30,000 fis-sena f’konsulenzi lil kumpanija waħda. Il-kandidata ta’ Alternattiva fuq Ħaż-Żebbuġ Monique Agius qalet li diversi toroq sarilhom il-patching tat-tarmak u dan sar minn kuntrattur li huwa kunsillier u kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni. Hija staqsiet x’permess kellu jagħmel jekk dan għamlu minn jeddu meta bħala kunsillier ma jistax jieħu xogħol mill-kunsill? Iċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika qal li l-kandidata tal-Alternattiva fuq Ħaż-Żebbuġ tista’ tagħmel ħafna differenza għar-residenti Żebbuġin, billi fost l-oħrajn tagħmel skrutinju akbar fuq kif qed jintefqu flus il-poplu.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ fi stqarrija bi tweġiba qal li mhux vera l-kunsill Żebbuġi għandu dejn ta’ €1.3 miljun. Is-Segretarju Eżekuttiv Paula M. Valletta qalet li l-kunsill fl-aħħar tliet snin żied l-assi tiegħu minn miljun għal €3 miljun, wara dipprezzament ta’ €300,000 s-sena li għaddiet. Il-Kunsill ta’ Ħaż-Żebbuġ qal li ż-żieda fl-assi tirrifletti l-infieq tal-kunsill fit-toroq ta’ Ħaż-Żebbug. Il-Kunsill żied jgħid li ‘n-negative working capital” tal-kunsill s-sena l-oħra kien ta’ €600,000, nofs l-ammont li qed tgħid l-Alternattiva.

Il-kunsill lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ qal li s-€600,000 huma relatati ma’ pagamenti li għandhom jitħallsu lil kuntratturi tat-toroq fuq medda ta’ bejn sitt u tmien snin skont il-kuntratt ta’ public private partnership li għamel il-Gvern. Il-Kunsill Lokali ċaħad ukoll li sar xi xogħol ta’ patching minn kuntrattur li huwa kunsillier Nazzjonalista. Dwar il-konsulenzi ta’ €30,000, il-Kunsill Żebbuġi qal li il-kumpanija tal-marketing rebħet tender legali u rendiet il-kunsill dhul ta’ iktar minn €100,000 is-sena l-oħra biss.