Knisja Maltija
Jitlob li jerġa’ jinfetaħ il-każ ta’ Adelaide Cini

L-Arċisqof Charles J. Scicluna appella għar-rispett lejn id-dinjità tal-mara waqt quddiesa li fiha talab biex terġa’ tinfetaħ il-kawża għall-beatifikazzjoni ta’ Adelaide Cini, li qal l-eżempju ta’ ħajjitha u l-ħidma li wettqet man-nisa vittmi tal-prostituzzjoni u wliedhom, għandhom isiru aktar magħrufa u apprezzati.

F’għeluq il-mitt sena mindu l-fdalijiet ta’ Adelaide Cini ġew trasportati miċ-Ċimiterju tal-Addolorata għall-Istitut Cini f’Santa Venera, l-Arċisqof Charles J. Scicluna talab li terġa’ tinfetaħ il-kawża tal-beatifikazzjoni tagħha.

Adelaide Cini kienet ġiet iddikjarata Venerabbli mill-Papa Piju X (Piju għaxra) fit-23 ta’ Frar tal-1910.

Fil-kappella tal-istitut “Ta’ Cini”, li kienet waqqfet hi, ġiet iċċelebrata quddiesa, bl-Arċisqof jesprimi x-xewqa li l-Insara jkunu jafu aktar u japprezzaw l-eżempju ta’ ħajjet din il-mara lajka u l-ħidma li wettqet man-nisa vittmi tal-prostituzzjoni u wliedhom.

Hu talab biex id-dinjità tal-mara tiġi rispettata dejjem u li bħalma għamlet Adelaide Cini aktar minn 100 sena ilu n-nisa jkollhom min jiddefendi d-dinjità tagħhom. Qal li x-xhieda ta’ ħajjet Adelaide Cini, magħrufa bħala l-appostlu tat-toroq, hija attwali ħafna għal-lum.

L-iżgħar fost tlettax-il aħwa, Adelaide Cini twieldet 180 sena ilu. Meta kien għad lanqas biss kella tmintax-il sena, uriet ix-xewqa li tidħol soru iżda ngħatat il-parir tistenna lil Alla juriha l-vokazzjoni tagħha.

Ħajjet Adelaide Cini nbidlet meta ltaqgħet ma’ prostituta żagħżugħa minn Sqallija li marret tgħix ma’ Adelaide fid-dar tal-ġenituri tagħha. Din il-ħbiberija biddlet ħajjet din it-tfajla li ngħaqdet mas-sorijiet tar-ragħaj it-tajjeb. Minn din l-esperjenza, Adelaide bdiet moviment missjunarju ġdid fost il-ħafna bniet abbandunati mill-klassijiet tal-ifqar tas-soċjetà u bl-għajnuna ta’ benefatturi fetħet l-ewwel dar għall-ommijiet mhux miżżewġa.

Wara l-mewt ta’ missierha, Adelaide Cini biddlet fabbrika tal-għaġin li kellu f’Santa Venera f’konservatorju għall-bniet l-aktar fil-bżonn. Dan kien il-bidu tal-Istitut li sa mill-1876 tmexxa mis-Sorijiet tal-Karità. Adelaide mietet fl-età ta’ 46 sena.

Ftit tal-jiem ilu, il-Knisja għaddiet din il-proprjetà lil Hospice Malta biex twaqqaf kumpless ta’ kura paljattiva.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Il-Coronavirus qed jolqot sew l-Amerka Ċentrali li saret l-epiċentru tal-pandemija. Fi Gwatemala, żewġ saċerdoti missjunarji Għawdxin qalu li fl-aħħar ġimgħat, il-faqar kompla jgħolli rasu b’saħanisitra familji qed itajru bandiera bajda…

COVID-19

Sidien ta’ ristoranti li fetħu fi tmiem il-ġimgħa wara aktar minn xahrejn magħluqa qalu lil TVM li minkejja li kien bidu kwiet, iħossuhom pożittivi għaliex il-klijenti qed juru sinjali ta’…

COVID-19

Għalkemm il-virus Covid 19 għadu mhux megħlub għalkollox u l-vaċċin kontrih jista’ jieħu bosta xhur oħra sakemm jiġi żviluppat u tibda l-produzzjoni tiegħu, bosta pajjiżi reġgħu bdew ibexxqu l-bieb tas-sistema…

COVID-19

Wara aktar minn xahrejn mċaħħda milli jaraw lill-qraba anzjani tagħhom, għadd kbir ta’ qraba bdew jingħataw l-opportunità li jaraw lil qrabathom minn wara l-perspex. Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz de…

Aktar