Lokali
Adottat rapport li jassigura aktar ugwaljanza b’saħħitha – Josianne Cutajar negozjatriċi f’isem l-S&D

Il-Parlament Ewropew adotta rapport li tiegħu l-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar kienet in-negozjatriċi f’isem l-S&D.

Fi stqarrija, Cutajar qalet li dan ir-rapport se jassigura aktar ugwaljanza bejn is-sessi. Il-vot fil-plenarja seħħ wara li r-rapport dwar l-integrazzjoni tal-ġeneru fil-politika ta’ koeżjoni għadda b’suċċess mill-Kumitat tal-Iżvilupp Reġjonali.

Cutajar qalet li dan ir-rapport jibgħat messaġġ b’saħħtu li n-nisa ma jistgħux jitħallew jaqgħu lura fis-soċjetà u għaldaqstant għandu jkun hemm rabta biex tkun assigurata l-ugwaljanza meta pajjiżi membri jiġu biex jużaw fondi ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.

“Irridu naraw li dan ir-rapport iwassal sabiex ikun hemm il-promozzjoni ta’ aktar ugwaljanza li sussegwentament se tkun qed tfisser titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nisa madwar l-Ewropa kollha”, qalet Josianne Cutajar.

Dr Cutajar spjegat kif huwa importanti li permezz tal-fondi ta’ koeżjoni, għandhom jiġu miġġielda pjagi soċjali bħall-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u anke jiġu indirizzati kwistjonijiet bħall-bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja ta’ kuljum.

Ir-rapport jinkludi wkoll referenza qawwija sabiex tkun ukoll miġġielda d-diskriminazzjoni fuq il-komunità LGBTI.

“Dan huwa rapport li jippromowovi l-ugwaljanza, l-inklużjoni, il-ġustizzja soċjali u r-rispett”, qalet Dr Cutajar. “Dmirna issa huwa li nkomplu nimbuttaw sabiex mill-kliem u r-rapporti immorru għal aktar ugwaljanza bil-fatti. Ħidmieti f’dan il-qasam ser tkompli”, ikkonkludiet l-MPE Maltija