Politika
AĠĠORNAT: Ippubblikat ir-rapport ta’ due diligence dwar Delia u Grech

Il-Kunsill Amministrattiv approva unanimament mozzjoni li tressqet mill-Kap tal-PN Adrian Delia, u li ġiet issekondata mill-Viċi Kapijiet David Agius u Robert Arrigo.

Il-vot fuq din il-mozzjoni ttieħed mill-membri tal-Kunsill Amministrattiv qabel mal-istess Kunsill ingħata kopja tar-rapport.

Il-Kunsill Amministrattiv b’mod immedjat qabel unanimament li jippubblika r-rapport tad-diliġenza ppruvata dwar iż-żewġ kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN, fl-intier tiegħu. Kopja tar-rapport tista’ tinqara hawn.

Iktar kmieni:

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, ippreżenta mozzjoni fil-laqgħa tal-Kunsill Amministrattiv li fiha qed jitlob li kopja tar-rapport ta’ due diligence li sar dwaru u dwar Bernard Grech jingħata lilhom u jiġi pubblikat minnufih.

Fil-mozżjoni li fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista ntqal li hi sekondata miż-żewġ viċi kapijiet, Dr Delia jitlob li jitressqu emendi fl-istatut biex sa mhux aktar tard minn 48 siegħa wara li kopja ta’ dan ir-rapport tasal għand il-President tal-Amministrattiv, jitlaqqa’ dan il-kunsill u wara li jingħata kopja tar-rapport ta’ verifika lil dawk konċernati, l-istess rapport jiġi pubblikat.

Il-Kap Nazzjonalista qed jitlob li l-emendi fl-istatut jaħsbu biex din il-proċedura tapplika wkoll għal dawk li jersqu bħala kandidati għal xi uffiċċju f’xi organu tal-partit u għad-deputati li jikkonfermaw l-interess tagħhom li jkunu kkunsidrati bħala kandidati għal xi elezzjoni fil-pajjiż.