X

Adrian Delia jfakkar il-memorja ta’ Sir Ugo Mifsud

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fakkar il-memorja ta’ Sir Ugo Mifsud, li kien l-iżgħar Prim Ministru Malti, billi poġġa kuruna tal-fjuri fuq il-qabar tiegħu li jinsab fiċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija.

Sir Ugo Mifsud twieled fil-Belt Valletta fl-1889 u kien ġie elett Prim Ministru ta’ Malta fl-1924 fl-età ta’ 35 sena. Huwa kien ukoll jokkupa l-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ Nerik Mizzi. Sir Ugo Mifsud serva wkoll bħala Ministru, fosthom għall-Ġustizzja, il-Finanzi, l-Industrija u l-Kummerċ, u għall-Agrikoltura u s-Sajd. Sir Ugo Mifsud kien miet ftit tal-ġranet wara li kien għamel diskors imqanqal fil-Parlament, wara li ġew internati u wara deportati Nerik Mizzi u sħabu. Huwa miet fil-11 ta’ Frar tal-1942.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mis-Sindku ta’ Ħal Lija Magda Magri Naudi, l-President tal-Kumitat Sezzjonali tal-PN f’Ħal Lija Antoinette Vella u s-Segretarja tal-Kumitat Sezzjonali Carmen Zammit.