Politika
Adrian Delia jgħid għalfejn rappreżentanti tal-PN irriżenjaw mill-bordijiet

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, tkellem dwar dak li sejjaħ tnawwir sistematiku tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż mill-Gvern. Dr Delia qal li l-istituzzjonijiet li għandhom iħarsu l-interessi tal-poplu spiċċaw jaħdmu biex iħarsu l-interessi tal-ftit. Huwa qal li għalhekk l-Oppożizzjoni rtirat ir-rappreżentanti tagħha minn żewġ awtoritajiet.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-partit ma jridx li jkun faċċata għall-Gvern biex dan jieħu d-deċiżjonijiet li jrid u n-nies jaħsbu li ttieħdu bis-sehem tar-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista fil-bordijiet.

Qal li għalhekk id-deputati Marthese Portelli u Ryan Callus irriżenjaw mill-Awtorità tal-Ippjanar u mill-Awtorità tal-Artijiet għax id-deċiżjonijiet qed jittieħdu minn grupp ta’ nies żgħir fil-magħluq u mhux mill-bordijiet.

F’kollegament telefoniku fuq Net FM, Dr Delia qal li l-affarijiet ma għandhomx isiru b’dan il-mod, għax qal qed tinħoloq ġungla li qed twassal għal konfużjoni u l-arroganza.

Dr Delia tenna li l-Gvern ħataf l-istituzzjonijiet. Żied jgħid li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Ian Borg mhux jgħidu l-verità meta qalu li l-permess tal-Qala ħareġ skont il-policies.

Dr Delia qal li grupp żgħir ta’ nies fil-poter qed isiru sinjuri, u allega li qed jisirqu l-ġid tal-pajjiż. Semma l-kuntratt ta’ Kurt Farrugia, u qal li dan mhux qed jirrispondi l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti għax ma jridx jgħid kemm qed jaqla’ flus . Qal li dan il-kuntratt huwa serqa sfaċċata li qed iħallsu għalih il-ħaddiema u l-pensjonanti.

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-arroganza tal-Gvern qed tinħass fl-istituzzjonijiet kollha, tant li hemm ġlieda bejn il-Ministeri u Kastilja biex jintagħżlu n-nies li jmexxu l-awtoritajiet, għax hemm kilba għall-poter. Il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega li l-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx mal-bejgħ taċ-ċittadinanza u tefa’ l-ħtija fuq Identity Malta, li qal qed tbigħ il-pajjiż, tant li kumpanija privata ser tkun investigata kriminalment għax qalet li għandha aċċess għan-nies fil-poter politiku.

Dr Delia qal li l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu sejrin hekk u l-Partit Nazzjonalista qed jaġixxi għax qed jerfa’ r-responsabbiltà.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Il-Coronavirus qed jolqot sew l-Amerka Ċentrali li saret l-epiċentru tal-pandemija. Fi Gwatemala, żewġ saċerdoti missjunarji Għawdxin qalu li fl-aħħar ġimgħat, il-faqar kompla jgħolli rasu b’saħanisitra familji qed itajru bandiera bajda…

COVID-19

Sidien ta’ ristoranti li fetħu fi tmiem il-ġimgħa wara aktar minn xahrejn magħluqa qalu lil TVM li minkejja li kien bidu kwiet, iħossuhom pożittivi għaliex il-klijenti qed juru sinjali ta’…

COVID-19

Għalkemm il-virus Covid 19 għadu mhux megħlub għalkollox u l-vaċċin kontrih jista’ jieħu bosta xhur oħra sakemm jiġi żviluppat u tibda l-produzzjoni tiegħu, bosta pajjiżi reġgħu bdew ibexxqu l-bieb tas-sistema…

COVID-19

Wara aktar minn xahrejn mċaħħda milli jaraw lill-qraba anzjani tagħhom, għadd kbir ta’ qraba bdew jingħataw l-opportunità li jaraw lil qrabathom minn wara l-perspex. Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz de…

Aktar