Politika
Adrian Delia jgħid li d-deċiżjoni tal-President dwar il-kariga tiegħu għandha tkun rispettata

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li d-deċiżjoni tal-President dwar il-kariga tiegħu għandha tkun rispettata minn kull min jemmen fis-saltna tad-dritt u b’rispett lejn il-Kostituzzjoni.

F’messaġġ fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista siegħa wara li l-President ippubblika d-deċiżjoni tiegħu, Dr Delia stqarr li għalkemm xtaq jikkummenta fuq il-fatt li grupp ta’ membri parlamentari tal-Oppożizzjoni riedu li jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni, żamm sieket b’rispett u b’kawtela lejn il-karigi li jokkupa.

“Intenni d-determinazzjonijiet tiegħi bħala Kap tal-Oppożizzjoni li nkompli nagħti l-enerġija kollha tiegħi u saħħti kollha b’servizz lejn il-Maltin u l-Għawdxin kollha u bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista lejn it-tesserati li proċess demokratiku eleġġewni bħala Kap tal-Partit,” qal Dr Delia.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni allega li l-Gvern hu ostaġġ ta’ dik li sejjaħ ħakma kriminali, fosthom bil-kuntratti tal-Electrogas u tal-Vitals Global Health Care. Dr Delia tenna li se jkompli jiġġieled il-korruzzjoni li qal ħakmet il-pajjiż. Temm li llum ma rebaħ ħadd, għax qal li dan iseħħ meta nagħrfu kif nissaħħu.

Ara wkoll:

Il-President iddeċieda li Adrian Delia m’għandux jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni