Lokali
Adrian Delia jgħid li ħallas l-ammont dovut lid-Dipartiment tat-Taxxa

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li ħallas l-ammont dovut lid-Dipartiment tat-Taxxa. F’intervista fuq Radio 101, Dr Delia qal li kuntrarjament kif qed tagħti x’tifhem il-media tal-Partit Laburista, il-€55,000 ħallashom hu u mhux minn flus li nġabru mill-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li għalaq kwistjoni li kellu dwar nuqqas ta’ qbil mad-Dipartiment tat-Taxxa u ħallas l-ammont ta’ €55,000 biex issa ngħaqlet din il-kwistjoni. Huwa qal li kien transparenti meta bħala kandidat għal Kap tal-partit minn rajh kien ppubblika dikjarazzjoni tal-assi fosthom il-kwistjoni dwar il-kwistjoni pendenti li kellu mad-dipartiment tat-taxxi. Dr Delia ċaħad rapport tal-gazzetta Kullħadd li implikat li l-flus tat-taxxa tħallsu mill-fondi tal-Partit Nazzjonalista.

F’intervista fuq Radio 101, il-Kap Nazzjonalista qal li l-edukaturi mhux jiġu kkonsultati, fuq riformi li jaffettwaw direttament. Dan qal ġara fid-deċiżjonjijiet dwar il-Malti, it-tnaqqis tal-homework u l-awtonomija tal-Università. Qal li l-Gvern mhux juri rispett lill-għalliema, u qal li dan qed ikun rifless fl-attitudni tal-ġenituri u l-istudenti fil-konfront tal-għalliema.

Dwar stħarriġ li juri li 18% biss tal-edukaturi jibqgħu fil-vokazzjoni jekk jiġu offruti opportunijiet oħra, Dr Delia esprima t-tħassib tiegħu li t-tfal jibdew jiġu mgħallma mill-barranin f’każ ta’ nuqqas t’għalliema Maltin. Il-kap Nazzjonalista qal li l-għalliema jixirqilhom aħjar minn hekk għaliex apparti r-responsabbilità edukattiva tat-tfal, qed iġorru wkoll responsabbilità soċjali. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jrid li jerġa’ jkun xpruna fl-edukazzjoni biex it-tfal isiru ġenerazzjoni ta’ ħassieba. Huwa semma kif ċifri tal-Unjoni Ewropea juru li Malta qegħda l-aħħar fl-Ewropa fl-ghadd taż-żgħażagħ bejn it-18 u l-24 li la qegħdin jistudjaw u lanqas qegħdin jitħarrġu.

Dwar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali, Dr Delia qal li dawn ipoġġu liċ-ċittadini fiċ-ċentru tal-politika. Huwa qal li l-Kunsilli għandhom jagħtu faraġ lin-nies li jinsabu fis-solitudni u jingħataw l-għodod biex jindirizzaw il-kriminalita’.

Dwar il-permessi tal-pompi tal-petrol, li fi kliem Dr Delia dawn huma kbar wisq, qal li jeħtieġ pjan biex jinstab bilanċ. Tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ politika dwar it-traffiku, l-emissjonijiet u t-trasport.