Politika
Adrian Delia jgħid li hu għadu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li hu għadu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista.

“Kien hemm aħbarijiet fuq il-midja li diġà Kap tal-Oppożizzjoni ġdid u ssemmiet l-Onorevoli Therese Comodini Cachia. Insellmilha. Imma dan mhux minnu għax il-Kap tal-Oppożizzjoni llum huwa Adrian Delia għax bqajt il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.”

F’messaġġ tard il-Ħamis filgħaxija fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista, Dr Delia qal li f’laqgħa mal-President George Vella, il-Kap tal-Istat għarrfu beda proċess biex isejjaħ lid-deputati tal-grupp parlamentari ħalli jara hux vera li 17-il membru parlamentari m’għandhomx fiduċja iktar fih.

Dan ġara wara li d-Deputati Chris Said u Claudette Buttigieg marru għand il-President fejn ġie rappurtat li f’isem il-maġġoranza tad-deputati tal-Partit Nazzjonalista nfurmawh li kienu qed jinnominaw lill-Avukat Therese Comodini biex tkun il-Kap tal-Oppożizzjoni minflok Dr Adrian Delia li t-Tlieta ġie sfiduċjat mill-maġġoranza tad-deputati Nazzjonalisti.

Madankollu, Dr Delia qal li hu informa lill-President li ddeċieda li jonora l-mandat li tawh it-tesserati bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dr Delia rrimarka li l-istatut tal-Partit Nazzjonalista jipprovdi li min ikun Kap tal-Partit għandu jkun il-Kap tal-Oppożizzjoni.

“Kulħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu. Kull deputat li se jmur għand il-President ta’ Malta jrid jiddeċiedi jekk iridx ineħħi l-Kap tal-Oppożizzjoni jew le. Kull deputat irid jifhem li jekk jitneħħa l-Kap tal-Oppożizzjoni dan minnu nnifsu jfisser xorta li hu l-Kap tal-Partit illi jrid ikun il-Kap tal-Oppożizzjoni.” 

Dr Delia qal li se jibqa’ leali lejn it-tesserati u wera ruħu konvint li dawk li sejjaħ in-Nazzjonalisti veri se jibqgħu wara l-Partit. Sostna li mhux se jitradixxi lit-tesserati u se jibqa’ leali lejhom għax determinat li li jwettaq il-mandat li tawh it-tesserati biex imexxi l-Partit Nazzjonalista. Temm li hu mhu se jaqta’ qalbu qatt.