Lokali
Adrian Delia jgħid li l-PN irid pensjonijiet xierqa għall-anzjani

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tkellem fost oħrajn dwar iż-żieda fil-faqar, l-abort, il-ħaddiema barranin u l-vot 16 waqt attività politika fl-Imsida. Huwa stieden lil Prim Ministru biex minn għada stess jibda diskussjoni biex il-pensjonijiet jissaħħu għax mhumiex aċċettabli. qal Dr Delia li 22,000 anzjan u anzjana jinsab fir-riskju tal-faqar.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li skont statistika tal-Eurostat il-faqar f’Malta fl-aħħar sentejn żdied b’4,000 persuna, minn 81 għal 85,000. Qal li dan mhux suppost qed jiġri meta l-Gvern jghid li l-ekonomija sejra tajjeb ħafna filwaqt li sellem lis-Sur Charles Miceli għax-xogħol li wettaq kontra l-faqar.

F’attività politika fl-Imsida, Dr Delia qal li jekk hemm anomalija fil-pensjonijiet tal-Membri Parlamentari din trid tiġi rranġata, iżda sostna li l-ikbar obbligu tal-Gvern huwa li jsaħħaħ il-pensjonijiet tal-anzjani kollha. Huwa kkwota statistika tal-Eurostat li turi kif aktar minn 22,000 tal-anzjani Maltin u Għawdxin jinsabu fir-riskju tal-faqar. Dr Delia stieden lil Prim Ministru biex minn għada jibda d-diskussjoni biex il-pensjonijiet jissaħħu għax qal li mhux aċċettabbli li fis-soċjetà jkun hawn anzjani li jgħixu fil-faqar. Qal li jekk il-Gvern jibqa’ ma jagħmel xejn ser tkun l-Oppożizzjoni li tibda din id-diskussjoni.

Dwar il-ħaddiema barranin, Dr Delia qal li fl-aħħar erba’ snin u nofs ġew Malta mal-10,000 barrani fis-sena bil-konsegwenza li l-kera żdiedet b’50% filwaqt li l-paga ta’ ħaddiem fil-kostruzzjoni żdiedet b’ 1%. Spjega li l-Gvern mhu qed jagħmel xejn biex jindirizza t-tibdil li qed iġibu l-barranin fis-soċjetà Maltija.

Dwar l-abort, Dr Delia tenna li l-Partit Nazzjonalista huwa ċar fid-deċiżjoni tiegħu favur il-ħajja u stieden lill-Prim MInistru biex ikun ċar ukoll u jgħid għala fil-liġi dwar il-vjolenza domestika ma aċċettax emendi tal-Oppożizzjoni biex tingħata protezzjoni għat-tarbija fil-ġuf.

Il-Kap Nazzjonalista qal li wasal iż-żmien li nisa li joqogħdu d-dar biex irabbu lil uliedhom jingħataw kumpens u sejjaħ lill-Gvern biex jispjega għala n-nisa fil-bordijiet naqsu minn 30 għal 15%. Qal li taħt Gvern Laburista d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel żdiedet minn 7 għal 11%.

Dwar il-vot 16 il-Kap Nazzjonalista sejjaħ liż-żgħażagħ biex jisfidaw il-politiċi u jesiġu dak li huwa sewwa. Huwa qal li ż-żgħażagħ irnexxielhom iġibu lill-parlamenti kollha flimkien u hekk għandhom jagħmlu fuq temi oħra għax iridu jkunu ż-żgħażagħ li ma jħallux aktar li l-pajjiż jibqa’ politikament maqsum fi tnejn.