Politika
Adrian Delia jgħid li l-vot tal-kunsilliera huwa wieħed bejn il-passat u t-tama

Illejla beda jitlaqqa l-kunsill ġenerali straordinarju tal-Partit Nazzjonalista, bil-kunsilliera qed jivvutaw biex jiddeċiedu jekk t-tesserati tal-Partit għandhomx jivvutaw biex juru il-fiduċja tagħhom fil-kap tal-Partit, Adrian Delia jew jekk għandhix issir elezzjoni għall-kap ġdid. Il-votazzjoni tagħlaq għada fis-6 p.m.

F’diskors fil-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali, Dr Adrian Delia qal li l-vot tal-kunsilliera huwa wieħed bejn il-Partit Nazzjonalista tal-Passat jew Partit li joffri tama.

Il-Kap Nazzjonalista qal li tliet snin ilu t-tesserati għażluh biex jibdel il-Partit Nazzjonalista u qatt ma stenna li sforz ġenwin biex il-Partit Nazzjonalista jingħata lura lin-nies kien se jsib daqshekk reżistenza.

Stqarr li filwaqt li l-bidla mhix faċli, wieħed jeħtieġ li jafda li din se sservi ta’ ġid għall-partit. Dr Delia qal li minkejja l-isfidi kollha li sab quddiemu, issagrifika kollox, inkluż il-professjoni u l-familja, iżda ma ċeda qatt u spjega li t-triq għall-bidla dejjem tispiċċa rebbieħa.

Il-Kap Nazzjonalista qal li ftit jiem qabel tlaqqa l-eżekuttiv li ddeċieda li jmur għal dan il-vot, kienu se jippreżentaw 22 kandidat ġdid għall-elezzjoni ġenerali. Qal iżda li kollox kellu jieqaf minħabba li grupp ta’ deputati li pprova jneħħiħ minn kap, ma wasalx bil-kostituzzjoni u għażel it-triq tal-istatut tal-Partit Nazzjonalista.

Dr Delia qal li hu determinat li jwettaq il-mandat li ngħata għax jemmen li meta l-poplu jitkellem, irid jiġi rispettat. Iddeskriva dan il-perjodu bħala s-salib it-toroq għall-Partit Nazzjonalista – dwar jekk għandux ikun tal-ftit jew tal-ħafna.

Il-Kap Nazzjonalista qal li dawk li telqu il-partit qabel l-2013 ma jridux jerġgħu lura għall-istess partit li kien imma jridu jmorru f’partit li jaqdi, jservi u jirrispetta lin-nies. Qal li il-votazzjoni mhix dwaru iżda dwar jekk il-kunsilliera jridux partit tal-imgħoddi jew tan-nies.

Aħbarijiet Oħra

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza fil-konfront ta’ Joseph Calleja, li kien jaħdem ma’ Identity Malta. Huwa kien ġie kkundannat erba’ snin ħabs u ordnat jagħti lura €44,400 wara li nstab…

Wara li Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista talab biex tkun posposta l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-Kummissjoni Elettorali responsabbli mit-tmexxija tal-elezzjoni qalet li m’hemmx bażi għal din it-talba. Qalet li l-Kummissjoni Elettorali ilha…

Ġuvni Żvediż ta’ 19-il sena Barre Sakeriya Abdukadir weħel tlett xhur ħabs sospiżi għal sena wara li lbieraħ it-Tnejn għall-ħabta ta’ 8.30am kien tiela’ xurban fuq titjira fl-ajruport internazzjonali ta’…

Keith Schembri, li kien Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat jinsab arrestat. Mhux eskluż li miegħu qed jinżammu arrestati persuni oħra. Dan wara li lbieraħ il-Qorti Kriminali ordnat…

Aktar