Adrian Delia jikkritika lil min perreċ diskussjonijiet interni

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien l-uniku wieħed barra Pierre Portelli li tkellem fi tmiem il-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit u stqarr li ser jagħmel proposti lill-Grupp Parlamentari għat-triq ‘il quddiem. Huwa kkritika lil min perreċ dak li ġie diskuss internament f’laqgħat preċedenti.

Hekk kif ħareġ mid-Dar Ċentrali fi tmiem laqgħa tal-Eżekuttiv tal-PN, Dr Adrian Delia sab grupp ta’ partitarji jistennewh. U mal-mezzi tax-xandir ikkonferma li fil-laqgħa ma saret l-ebda sejħa għar-riżenja tiegħu, u lanqas ma kellu bżonn jitlob vot ta’ fiduċja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għamel diversi proposti għat-triq ‘il quddiem u dawn se jippreżentahom ukoll lill-Grupp Parlamentari. “Kostruttivi biex inkunu nistgħu ninvolvu kemm iż-żgħażagħ tagħna, Membri Parlamentari u anke s-soċjetà ċivili. Uħud diġà semmejthom fil-pubbliku bħall-konvenzjoni nazzjonali. 10 b’kollox. Mhux konklussivi. (Ilbieraħ) issemmew diversi ideat li għoġbuni wkoll, dawk li nistgħu niħduhom on board bħala pjan biex nimxu ‘l quddiem ukoll” qal Dr Delia.

Mistoqsi jekk hux iffaċċjat b’ultimatum mill-Grupp Parlamentari, Dr Delia sostna li jistenna diskussjoni serja u miftuħa.

“Min-naħa tiegħi m’hemmx ultimatum. It-talba tiegħi hi li aktar nies jipparteċipaw fid-diskussjoni. Jekk jissejjaħx vot minn xi ħaddieħor ma nafx. Ma jidhirlix li hija kwistjoni ta’ vot imma importanti li jkollna diskussjoni libera serja u importanti għax il-PN irid iwettaq ħafna tibdiliet biex jipproponi ruħu għall-elettorat” qal Dr Delia.

Fl-istess ħin ikkritika lil min joħroġ l-informazzjoni diskussa fil-laqgħat tal-istrutturi interna. “Jien mhux komdu u mhux etiku li niddiskuti affarijiet tal-Grupp Parlamentari fil-beraħ. Jiżbalja min iwassal dik it-tip ta’ informazzjoni” stqarr Dr Delia.

Ara wkoll:

ARA l-kummenti ta’ Adrian Delia – stennija għal-laqgħa tal-Grupp Parlamentari

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

F’vidjo li qed jiċċirkola fuq il-midja soċjali, raġel jidher iwaddab il-petrol fuq karozza u jġibha ħuġġieġa nar. Kelliema għall-Pulizija ikkonfermat ma’ tvm.com.mt li l-każ seħħ il-Ħadd fit-tlieta neqsin kwart ta’…

Tfal

Ġimgħatejn ‘l bogħod mill-Milied, il-professjonisti u l-ħaddiema tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS sibnihom iħejju wħud mill-mijiet ta’ rigali li rċevew mingħand għexerien ta’ benefatturi li laqgħu l-istedina tal-Aġenzija Appoġġ…

Saħħa

Investiment ta’ nofs miljun ewro se jwassal għal-riforma fis-servizz respite għall-familji li jieħdu ħsieb l-anzjani qraba tagħhom f’darhom stess. Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis qal…

Annimali

BirdLife Malta varat kampanja biex il-pubbliku jibda jirrapporta l-‘bird callers’ – apparat elettroniku li jagħmel ħoss ta’ tisfir tal-għasafar u jintuża għall-kaċċa u l-insib. Fi stqarrija BirdLife saħqet li din…

Aktar