Politika
Adrian Delia jissuġġerixxi lill-PM biex jagħti 3 ijiem leave żejda lill-ħaddiema li kienu fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-COVID-19

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li kiteb lill-Prim Ministru Robert Abela u issuġġerilu li jingħataw tliet ijiem leave żejda lill-ħaddiema kollha li kienu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-pandemija. F’għeluq il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Dr Delia appella lil dawk kollha ta’ rieda tajba biex ixammru l-kliem u jingħaqdu fil-Partit Nazzjonalista sabiex tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta.

F’għeluq il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema Riforma u Tiġdid, li approva emendi għall-istatut tal-partit, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li issa li l-partit iġedded trid tinġarr ir-responsabbiltà biex inwieġbu għas-sejħa li qed jagħmel pajjiżna. Huwa appella lil dawk kollha ta’ rieda tajba biex jingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista u jaħdmu biex tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta. Qal li iżjed milli jkunu ippuntati s-swaba u jsiru l-ilmenti fuq il-midja soċjali, kulħadd għandu jagħmel il-parti tiegħu biex il-Partit Nazzjonalista jilqa’ għall-isfidi fil-ġejjieni.

Dr Delia ħabbar li kiteb lill-Prim Ministru Robert Abela fejn issuġġerilu li jingħataw tliet ijiem leave żejda lil ħaddiema li kienu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-pandemija. Qal li dan għandu jsir b’ringrazzjament talli issograw kemm huma u l-familji tagħhom biex il-bqija tal-pajjiż ikun sigur.

Dr Delia qal li iżda li għad fadal virus tal-korruzzjoni. Qal li każi ta’ korruzzjoni ta’ kuljum jiġu żvelati mill-mezzi tax-xandir u semma dak li sejjaħ il-patt skandaluż tal-Montenegro u kkritika lil Prim Ministru għax qal li kien disgustat b’dak żvelat.

“Il-Maltin u l-Għawdxin qed iħallsu biex f’disat ijiem kumpanija minn 3 miljuni nbiegħet 10. Lill-pulizija qallhom isma’ morru araw naqra x’hemm u x’mhemmx. Qisu ma kien jaf xejn dan. Jirriżulta l-għada li kien jaf mill-inqas 6 xhur. mela jekk ilek disgustat 6 xhur x’kont qed tagħmel? U ma’ min? U Joseph Muscat li ma kien jaf xejn ukoll x’kont qed tagħmel?”

Il-Kap Nazzjonalista qal li il-pajjiż għandu quddiemu l-eżami importanti tal-Moneyval li jekk infallieh ikun ta’ detriment kbir għall-impjiegi.

Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jidħol fi djalogu man-nies u jinżel fit-toroq, fil-pjazez u fil-postijiet tax-xogħol. Kompla jgħid li l-istatut il-ġdid hu messaġġ politiku li bih il-Partit Nazzjonalista jrid li jasal u jwassal lil Malta.

Qal li l-Partit Nazzjonalista iddikjara li se jibqa’ jemmen fl-istqarrija ta’ viżjoni u missjoni, li jservi lil pajjiżu u jaħdem għall-ġid komuni fejn iħares id-dinjità ta’ kull bniedem. Qal li qatt daqs illum dawn il-prinċipji ma ġew ikkalpestati minn Gvern li qal jaħdem biss għalih biex jaħtaf iktar poter bil-qerq u qal li b’hekk ibatu ż-żgħar u l-vulnerabbli.