Politika
AĠĠORNAT: Adrian Delia sfiduċjat imma jgħid li se jibqa’ kap tal-PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tilef vot ta’ fidċuja fil-grupp parlamentari wara laqgħa li damet għaddejja ħames siegħat. Madanakollu, f’konferenza tal-aħbarijiet eżatt wara għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, Dr Delia qal li mhux se jirriżenja u li illum se jmur lura l-uffiċju għal ġurnata oħra ta’ xogħol bħala Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Dr Delia qal: “għada nidħol lura x-xogħol b’aktar ħeġġa minn qatt qabel bħala kap tal-PN u bħala Kap tal-Oppożizzjoni u nkompli niġġeled il-korruzzjoni u l-kriminalità li ħakmet lill-pajjiżna taħt Gvern Laburista.”

Waqt vot sigriet għall-mozzjoni imressqa mid-deputat Chris Said u ssekondata minn Therese Comodini Cachia, 19-il deputat ivvutaw li m’għandhomx fiduċja f’Dr Delia waqt li 11 ivvutaw favur. Il-vot sar wara laqgħa li ssejħet minn Dr Delia stess wara r-rapport ta’ The Sunday Times of Malta fejn ingħad li kien hemm messaggi fuq whatsapp bejn Yorgen Fenech u Adrian Delia, għalkemm Dr Delia qal li l-vot ma kienx relatat ma dan ir-rapport.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Dr Delia qal li waqt li jirrispetta l-vot tad-deputati, il-vot tat-tesserati li taw fiduċja fih għandu jkun rispettat għaliex il-PN ma jistax jgħati messaġġ li min jivvota ma jingħatax leħen. Qal li hu talab li il-vot ma jkunx sigriet biex id-deputati iġorru r-responsabiltà tagħhom.

Dr Delia qal li d-deputati ma marrux għand il-President biex ineħħuħ minn Kap tal-Oppożizzjoni u l-istatut tal-Partit jagħmilha ċara li l-kap għandu jkun magħżul mit-tesserati. Żied li se jsejjaħ laqgħa tal-Kunsill Eżekuttiv biex jiddiskuti it-triq ‘il quddiem.

Qal li la d-deputati għażlu li ma jneħħux il-Kap tal-Oppożizzjoni, jippretendi li jaħdmu aktar minn qatt qabel għall-partit u l-pajjiz.

Mistoqsi minn TVM jekk waqt il-laqgħa ċaħadx li kellu komunikazzjoni ma Yorgen Fenech kif irrapurtat fuq The Sunday Times, Dr Delia qal li mar għand il-kummissarju u infetħet inkjesta: “ilbierah mort għand il-Kummissarju tal-Pulizija bħala Kap tal-Oppożizzjoni biex issir investigazjoni minnufih dwar din l-illegalità li seħħet fil-konfront tiegħi biex tipprova timmina lill-kap tal-Oppożizzjoni. Infurmat li diġa hemm inkjesta wara li jien għamilt ir-rapport li se tkun qed tidħol fid-dettall, fil-profond dwar dan.”

Intant, malli bdew ħerġin id-deputati mid-Dar Ċentrali u sar magħruf ir-riżultat, partitarji miġburin barra infexxew f’tgħajjir lejn id-deputati, b’uħud minnhom ramew it-tesseri quddiem il-bieb ewlieni tad-Dar Ċentrali.

 

Ara wkoll:

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Melvin Theuma, l-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, baqa’ f’qagħda stabbli. Fi stqarrija l-Pulizija qalet li Theuma għadu fit-taqsima tal-ENT fl-isptar Mater Dei. It-Tlieta 21 ta’ Lulju 2020, Theuma nstab…

COVID-19

L-organizzaturi tal-attivitajiet li jinqabdu jiksru r-regoli tal-miżuri mħabbra mill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex iwaqqfu l-imxija tal-Covid-19 jistgħu jeħlu multa ta’ €3,000 għal kull miżura li jiksru. Dan tħabbar illum f’avviż legali ppubblikat…

Lokali

Dr Lydia Abela, il-mara tal-Prim Ministru, ippreżentat total ta’ €8,000 f’donazzjonijiet li nġabru waqt l-ewwel edizzjoni ta’ ‘A Night at the Palace’, lill-għaqdiet li jaħdmu favur id-drittijiet tal-annimali. Waqt li…

Agrikultura

L-istaġun tal-ħsad tal-għeneb għall-għasir infetaħ mill-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo, fil-preżenza tal-produtturi tal-inbid Malti. Il-Ministru qal li l-inbid Malti huwa wieħed ta’ kwalità għax l-industrija aġġornat maż-żminijiet. Id-Direttur tad-Direttorat tal-Agrikoltura Saviour…

Aktar