Politika
Adrian Delia sfiduċjat ukoll mill-Kumitat Eżekuttiv tal-PN

Wara laqgħa ta’ seba’ sigħat, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tilef vot ta’ fiduċja fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Il-membri tal-kumitat eżekuttiv, inkluż il-membri parlamentari Ewropej, ħadu vot sigriet dwar jekk għandhomx fiduċja f’Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Sebgħa u erbgħin ivvutaw li m’għandhomx fiduċja fih, 36 qalu li għandhom fiduċja f’Dr Delia, u kien hemm astensjoni waħda.

Il-Laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv intemmet għall-ħabta tas-2.00 a.m. fejn ftit tal-ħin wara Adrian Delia ta kummenti lill-ġurnalisti preżenti u sostna li dan il-vot m’hu se jwassal għal imkien u li kien vot intern fi ħdan l-istruttura tal-Partit Nazzjonalista.

Qal li min imbotta din il-mozzjoni kien jaf x’jgħid l-istatut, li ma jistax ikun hemm vot ta’ fiduċja fil-Kap inqas minn sentejn wara li dan ikun diġa seħħ.

“L-istatut tagħna jitkellem ċar. Dan il-vot m’għandu ebda konsegwenza skont l-istatut tagħna, jiġifieri min għamel dan il-vot għamlu sempliċiment biex jagħmel dikjarazzjoni,” saħaq Dr Delia.

Il-membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista bdew jinġabru ftit qabel is-7 p.m. fejn barra d-Dar Ċentrali kien hemm ukoll preżenza ta’ pulizija u uffiċjali tas-sigurtà.

Minn ħin għall-ieħor inġabru xi ftit partitarji tal-Partit Nazzjonalista.

Huma u deħlin ftit kienu dawk li taw il-kummenti tagħhom, fosthom l-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi li qal li dak li kellu jgħid fil-pubbliku qalu, u Therese Comodini Cachia li qalet li se tibqa’ taħdem għall-għaqda fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Fl-istess laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv, ġew approvati b’mod unanimu l-ħatriet tal-Kummissjoni Elettorali, Data u rekords, u tal-Kummissjoni Etika, Dixxiplina u Media Soċjali.

Iż-żewġ kummissjonijiet il-ġodda huma parti mir-riforma li nieda l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar xhur u joħorġu mill-istatut il-ġdid li ġie approvat fl-aħħar Kunsill Ġenerali.

Ara wkoll:

Delia jgħid li l-vot tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN ma jwassalx biex jitneħħa l-Kap