Lokali
Adrian Delia u Bernard Grech intervistati llejla waqt il-programm Insights

Madwar 24 siegħa qabel jitħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, iż-żewġ kandidati – Adrian Delia u Bernard Grech – kienu intervistati fil-programm Insights. Filwaqt li qablu dwar diversi temi, fosthom li ma jidħolx l-abort f’Malta u lanqas ma huma favur il-legalizzazzjoni tal-prostituzzjoni; jaħsbuha differenti dwar l-immigrazzjoni u l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Intant, sal-bieraħ filgħaxija kienu 67% tat-tesserati eliġibbli li vvutaw. Il-votazzjonijiet tintemm għada.

Intervistat fil-programm Insights lejliet l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap Nazzjonalista, l-avukat Adrian Delia qal li qatt ma kellu kuntatt ma’ Yorgen Fenech għax meta Fenech bagħatlu messaġġ hu injorah. Dr Delia qal li Malta ma tiflaħx aktar immigranti għax pajjiżna huwa wisq popolat; u sostna li qatt ma ried l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Huwa wieġeb li la hu favur li tiġi legalizzata l-ħaxixa għal skop ta’ divertiment u lanqas mhu favur li jidħol l-abort f’Malta.

Dr Delia qal li lanqas ma jrid li tiġi legalizzata l-prostituzzjoni u sostna li għandhom ikunu ikkastigati dawk li qed jagħmlu l-flus minn fuq nisa li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni diffiċli. Huwa qal li ddikjara u ħallas it-taxxa fuq dħul ta’ aktar minn miljun ewro fil-ħames snin qabel kien Kap Nazzjonalista iżda ammetta li għandu d-dejn.

“Dejjem kont kapaċi nħallas il-loans, għadni nħallas u ser nibqa’ nħallashom u jekk taqra l-accounts jirriżulta li dejjem baqgħu niżlin. Din li tingħata l-impressjoni li f’ċertu sezzjonijiet tal-midja li jekk ikollok id-dejn, l-ammont tista’ tħallsu, minn jaqla’ tant jista’ jħallas tant u minn jaqla’ anqas jista’ jħallas mod ieħor, l-importanti hu li anke mid-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħi jirriżulta tajjeb li jien kont naħdem naqla’ u nħallas.”

Intervistat fl-istess programm, l-Avukat Bernard Grech qal li huwa ħallas it-taxxi kollha sentejn ilu tant li wera ċ-ċertifikat li juri dan u spjega kif ħallas it-taxxa fuq id-dħul li għamel meta kien jospita studenti barranin biex jitgħallmu l-Ingliż f’Malta.

“L-iskola hija internazzjonali u l-aġent lokali ma kellux l-affarijiet in regola tant hu hekk li l-istess dipartiment tat-taxxa ma għażilx illi jiena niddikjara fuq l-ammont kollu iżda biex tkun fair li jien niddikjara fuq nofshom. Ma kien hemm ebda problema la kien hemm dan in-nuqqas mill-iskola jiena fil-fatt ħallast, it-taxxa fuqhom ukoll, qabel iddikjarathom għax ġew imħallsa fl-2018.

Dwar id-divorzju Dr Grech qal li jirrispetta d-deċiżjoni tal-poplu fir-referendum li sar 9 snin ilu. Dwar l-immigrazzjoni sostna li huwa obbligu tal-pajjiż li jsalva dawk li qed jgħerqu iżda qal li l-iżball kien li nġiebu 80,000 ħaddiem barrani mingħajr pjan. Dwar l-introduzzjoni tal-abort f’Malta Dr Grech wieġeb li mhux favur, filwaqt li dwar il-prostituzzjoni qal li għandha tingħata protezzjoni lill-vulnerabbli.

L-avukat Grech qal li jikkonsidra li l-pajjiż ikollu l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment jekk ikun serju. Dwar il-ħaxixa għall-skopijiet rikreattivi Dr Grech qed jara x’jgħidu l-esperti mediċi dwar il-konsegwenzi; filwaqt li dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa qal li ser jimxi mad-deċiżjoni li ttieħdet fir-referendum.

Il-programm Insights ser jixxandar illejla fl-10.30 bi preżentazzjoni ta’ Glen Falzon.