COVID-19
Aġenti u operaturi tal-ivvjaġġar b’diffikultajiet biex jagħtu r-rifużjonijiet

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji qalet li l-aġenti u l-operaturi tal-ivvjaġar qegħdin jiffaċjaw diffikultatjiet biex joħorġu r-rifużjonijiet minħabba li l-kumpaniji turistiċi mhumiex qegħdin jibagħtulhom l-flus lura tal-vjaġġi u pakketti tal-ivjaġġar li qed jitħassru. F’kummenti ma’ Television Malta il-kap eżekuttiv tal-GRTU Abigail Mamo qalet li jinsabu f’negozjati mal-Gvern b’rabta mad-direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġar, filwaqt li appellat lil pubbliku biex jifmhu s-sitwazzjoni diffiċli li tinsab fiha l-undustrija turistika madwar id-dinja.

Kull ma jmur qed jiżdied l-ammont ta’ nies li qed jistennew rifużjoni tal-ħlas li għamlu fuq vjaġġar li tħassar. L-aġenti u l-operaturi tal-ivvjaġar jinsabu maqbudin bejn il-klijenti tagħhom li qegħdin jistennew rifużjoni, u l-kumpaniji barranin li jridu jagħtuhom il-flus lura biex ikunu jistgħu jgħadduhom lill-konsumatur.

F’kummenti ma’ Television Malta il-kap eżekuttiv tal-GRTU Abigail Mamo qalet li l-operaturi u l-aġenti tal-ivvjaġġar huma fost l-agħar negozji milquta mill-pandemija.

Żiedet tgħid li d-direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġar, li tesiġi li rrifużjoni trid tingħata fi żmien ġimagħtejn, ma kinitx maħsuba għal kwantità kbira ta’ vjaġġi li tħassru fl-istess perjodu.

Is-sinjura Mamo qalet li l-GRTU tinsab f’negozjati mal-Gvern biex jinstab mekkaniżmu li ma jgħabbix l-aġenti u l-operaturi tal-ivvjaġġar b’piż finanzjarju li ma jifilhux għalih.

“Dan il-mekkaniżmu ser iwassal biex fl-aħħar mill-aħħar dawn il-flus li t-tour operators u t-travel agents ma għandhomx, għax huma diġà jkunu għadewhom lil operaturi privata oħra, jekk humiex tal-accomodation, jekk humiex flights, jekk humiex cruise liners, dawn allura ma għandhomx dawk il-flus, ma jiġux mgħobbija b’din ir-responsabilità li jkollhom joħorġu l-flus minn buthom, f’sitwazzjoni fejn dawn diġà qegħdin jaraw kif ser ikunu jistgħu jgħaddu bħal bqija tan-negozji Maltin.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-GRTU qalet li l-interessi tal-konsumatur ser jitħarsu, filwaqt li appellat għall-kawtela fost il-persuni li qegħdin jistennew rifużjoni.

“Ma jfissirx li d-drittijiet tal-konsumatur ma jridux jiġu mħarrsa, anzi qegħdin naraw li ħa jiġu mħarrsa, imma fl-aħħar mill-aħħar rridu industrija li trid isalva.”

Is-sinjura Mamo qalet li tinsab fiduċjuża li fil-ġimgħat li ġejjin tinstab soluzzjoni li tgħin biex l-industrija tat-turiżmu ma togħtorx taħt il-piż tal-pandemija filwaqt li l-konsumatur jieħdu dak li huwa dovut lilhom.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar