Ambjent
Aġenzija ġdida għar-riċiklaġġ tal-iskart – ħsieb li dan isir obbligatorju

Twaqqfet aġenzija ġdida għall-irkupru u r-riċiklaġġ tal-iskart, bil-mira hi li sittin fil-mija tal-iskart jibda jiġi riċiklat. Il-Ministru tal-Ambjent, Jose Herrera, qal li dalwaqt se jressaq liġi li fost oħrajn ser tagħmilha obbligatorja għal kulħadd li jissepara l-iskart biex dan ikun jista’ jiġi riċiklat.

L-aġenzija ser titmexxa mill-inġinier Mark Muscat li kellu diversi karigi għolja fis-servizz pubbliku u kien konsulent tal-Minsiteru fuq l-iskart.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Ambjent Jose Herrera qal li l-aġenzija se tkun responsabbli biex kull sena titratta mal-mija u għoxrin elf tunnellata ta’ skart li jista’ jsiru użu ieħor minnu. Dr Herrera qal li bħalissa tnax fil-mija biss ta’ l-iskart jiġi riċiklat u l-Gvern irid jimplimenta strateġija proposta mill-Unjoni Ewropea għall-ekonomija ċirkulari biex l-iskart sa fejn huwa possibbli jerġa’ jintuża.

Il-Ministru Herrera qal li l-aġenzija l-ġdida se taħdem li b’koordinament mal-Wasteserv, li qed taħdem fuq il-proġett li jipproduċi l-enerġija mill-iskart, li ser ikun jista’ jittratta madwar erbgħin fil-mija tal-iskart li jasal fil-Magħtab.

Dr Herrera qal li l-prattika li l-iskart jispiċċa fil-miżbla m’hijiex sostennibbli. Qal li mira oħra tal-aġenzija hi li sa din is-sena tikkonkludi n-negozjati dwar l-iskema ta’ rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb, biex tkun implimentata sal-aħħar tas-sena d-dieħla.

Il-Ministru Herrera qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jippreżenta liġi li fost oħrajn ser tesiġi li s-separazzjoni tal-iskart tkun obbligatorja għal kulħadd.