Lokali
Aġenzija Żgħażagħ bi pjattaforma online

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma nedew is-sit ġdid ta’ Aġenzija Żgħażagħ, http://youth.gov.mt, li qed jintuża bħala pjattaforma għal dawn l-inizjattivi.

Is-Segretarju Parlamentari Grima ħeġġeġ liż-żgħażagħ li, għalkemm qegħdin fi djarhom, ma jfissirx li m’għandhomx jibqgħu f’kuntatt jew iħossuhom waħedhom. Huwa rringrazzja liż-żgħażagħ kollha għall-mod eżemplari li qed juru waqt l-isfida li qed iġġib magħha din is-sitwazzjoni. Esprima l-apprezzament tiegħu lill-istaff ta’ Aġenzija Żgħażagħ li tant qed jagħtu sapport biex isir dan kollu.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma qalet li l-pandemija COVID-19 wasslet lil Aġenzija Żgħażagħ tittrasforma is-servizzi tagħha f’servizzi digitali. Is-sit il-ġdid, youth.gov.mt, sar il-pjattaforma fejn iż-żgħażagħ jistgħu jaċċessaw dawn is-servizzi. Hi qalet li fiċ-ċirkostanzi preżenti, il-youth workers ta’ Aġenzija Żgħażagħ qegħdin jagħmlu sessjonijiet live maż-żgħażagħ permezz tal-midja soċjali. Dan is-servizz jinkludi sessjonijiet ma’ żgħażagħ li jħossuhom weħidhom u jridu jiltaqgħu ma’ żgħażagħ oħra, sessjonijiet ma’ żgħażagħ li jattendu istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja biex jghinuhom fi problemi li jkollhom fit-tagħlim online u sessjonijiet ta’ online youth café.

Aġenzija Żgħażagħ ħarġet ukoll bl-idea ta’ Give Back Award. Hija qed tistieden liż-żgħażagħ biex jissottomettu l-idea ta’ solidarjetà tagħhom li tista’ tiġi implimentata matul il-perjodu tal-COVID-19. L-Aġenzija Żgħażagħ se tagħti €500 lill-aqwa idea ta’ solidarjetà wara l-implimentazzjoni tagħha, kif ukoll se tagħti għotjiet ta’ €100 oħra lil dawk li tħoss li huma interessanti u li jġibu punteġġ għoli matul il-fażi ta’ valutazzjoni. Iż-żgħażagħ bl-aħjar ideat se jiġu assenjati youth worker biex jgħinhom aktar dwar kif jimplimentaw u jippromwovu l-idea.

Apparti hekk l-iskema ta’ Youth.inc u l-Youth Information Service ġew onlajn. Il-Youth.inc hija skema li tgħin ‘il fuq minn 60 żagħżugħ biex itejbu l-ħiliet tagħhom u jkunu jistgħu jghixu indipendenti. Il-Youth Information Service qed joffri pjattaforma liż-żgħażagħ biex jaqsmu l-istejjer tagħhom dwar kif il-Covid-19 qed taffetwa ħajjithom.

L-Aġenzija Żgħażagħ qiegħda tagħti opportunità wkoll liż-żgħażagħ Għawdxin sabiex jiżviluppaw u jaqsmu t-talent tagħhom mal-komunità online filwaqt li fl-istess ħin ikunu qed imexxu bl-eżempju u jħeġġu lill-oħrajn biex jibqgħu siguri id-dar. Din l-inizjattiva, filwaqt li sservi bħala pjattaforma biex tippromwovi t-talent lokali u tippermetti liż-żgħażagħ jesprimu ruħhom, tpoġġi wkoll l-attenzjoni fuq iż-żgħażagħ li qatt ma esibixxu x-xogħol tagħhom.