Lokali
AĠĠORNAT 3: Jidher li William Agius jista’ jeħel bejn 4 u 20 sena l-ħabs…is-sentenza għas-2pm

Fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar mistennija tingħata s-sentenza ta’ William Agius li fil-ħin li ġej ser ikun jaf x’inhu d-destin tiegħu wara li ġie deċiż li mhux se jgħaddi ġuri wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.

Agius kien mistenni jgħaddi ġuri akkużat li fis-26 ta’ Novembru, 2004 kien fil-pussess ta 2,043 pillola ecstacy u b’assoċjazjoni u traffikar tal-istess droga li fis-suq kienu jiswew ftit inqas minn €21,000. Huwa kien ġie arrestat meta kellu 18-il sena u nqabad bid-droga fil-parkeġġ biswit il-Knisja ta’ San Bastjan u l-iskola primarja ta’ Ħal Qormi.

William Agius temm il-programm tal-Caritas b’suċċess

Quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi ntqal li William qal li bejn 2006 u l-2008 għamel il-programm mal-Caritas. Fl-2008 huwa ggradwa b’suċċess mill-programm u sal-lum il-ġurnata ma reġax mess mad-droga.

“William huwa ispirazzjoni għal min għaddej mill-problema tad-droga”

Fil-Qorti Dr Joe Giglio ppreżenta ittra u ċertifikat li l-akkużat temm il-kors ta’ rijabilitazzjoni għad-droga. Fost ix-xhieda li nstemgħet fil-Qorti kien hemm tal-Manager tal-Caritas Santina Camilleri fejn qalet li taf lill-akkużat u li wara li temm b’suċċess il-programm baqgħet issegwih. Qalet li wara li għeleb il-problema tad-droga huwa dejjem baqa’ attiv fil-Caritas billi kien jaqsam l-esperjenza tiegħu ma’ dawk li qegħdin fil-Caritas. Hija qalet li baqa’ jagħti l-kontribut tiegħu u jagħti t-tama lil min għandu l-vizzju tad-droga. Saħqet li William huwa ispirazzjoni għal min għaddej mill-problema tad-droga.

“William wera motivazzjoni ġenwina”

Għall-mistoqsija tal-Imħallef, Camilleri qalet li William baqa’ jagħti l-kampjun tal-pipi u minn hemm ħareġ li ma reġax mess mad-droga.

Xehdet ukoll il-Psikoterapista Mariella Dimech li fi żmien William kienet tikkordina l-programmi tal-Caritas. Spjegat li meta kien daħal William kien qisu tifel żgħir, fejn ma kienx fehem il-gravità tad-droga. Qalet li meta daħal għall-programm fil-Caritas kienu ddixiplinati ħafna miegħu u qalet li min-naħa tiegu wera motivazzjoni ġenwina.

Żiedet tgħid li bl-appoġġ tal-familja irrealizza x’kien għamel u ħa l-programm b’serjetà kbira. Hija qalet li llum il-ġurnata William qed jgħix ħajja normali u għandu relazzjoni fejn ukoll wettaq il-ħolma tiegħu li jkollu restaurant u jimpjega n-nies.

“William appoġjani ħafna..inqisu bħala ħija”

Xhud ieħor kien Christopher Azzopardi li jaf lil William fuq il-post tax-xogħol. Huwa qal li kellu l-problema tad-droga u kien jibża’ mill-programm. Huwa qal li kien William li kkonvinċih li jmur u kien jappoġjah ħafna. Azzopardi qal li kellu ħuh ukoll bil-vizzju tad-droga u grazzi għal William kemm hu kif ukoll ħuh għelbu l-vizzju tad-droga.

“William jista’ jagħti kontribut kbir”

Xhieda oħra li nstemgħet kienet ta’ Peppi Azzopardi fejn qal li ltaqa’ ma’ William snin ilu u qal li meta raħ ra li għandu sens ta’ paċi. Huwa saħaq li William dejjem jaħseb f’ħaddieħor u jista’ jagħti kontribut kbir fis-soċjetà, liema kontribut jintilef jekk jispiċċa l-ħabs.

Id-difiża tgħid li tifhem li l-Qorti għandha jdejha marbutin iżda titlob li tagħti l-minimu tas-sentenza

Waqt li kien qed jindirizza l-Qorti, Dr Joe Giglio li qed jidher għal William qal li għadda dan iż-żmien kollu biex qed jinstema’ l-każ mhux minħabba l-Qorti Kriminali. Qal li l-kumpilazzjoni kienet intemmet fl-2010 iżda kienet ġew ikkontestati l-eċċezzjonijiet preliminari. Spjega li William kien ikkritika liġi li sal-lum inbidlet u għalhekk il-Qorti setgħet tappunta l-każ din is-sena.

Huwa ddeskriva lil William bħala katalista biex bidel ħajtu u ħajjet ħaddieħor. Żied jgħid li William fehem il-gravità ta’ għemilu u kkopera mal-Pulizija. Filwaqt li qal li d-difiża tifhem li l-Qorti għandha jdejha marbuta li tagħti sentenza ta’ ħabs effettiv huwa talab il-Qorti biex tikkonsidra li din is-sentenza tkun lejn il-minimu.

Huwa qal li l-każ seħħ meta William kien għadu tifel u ntuża minn ħaddieħor. Fakkar li għalkemm l-każ seħħ viċin ta’ skola din l-iskola kienet magħluqa.

 X’qalet Dr Giannella Busuttil

Fit-trattazzjoni tal-prosekuzzjoni Dr Giannella Busuttil qalet li mhix tikkontesta li Agius rriforma ruħu u li segwa programm.

Hija qalet li l-liġi għandha tiġi applikata bħal kull każ ieħor u fakkret kif tressqet persuna oħra ta’ 22 sena l-Qorti. Dr Busuttil qalet li dawn kienu jafu x’qed jagħmlu la kienu fil-possess ta’ 2,043 pillola ecstasy.

Hija qablet li s-Sentenza għandha tinżel 2 gradi għaliex Agius ikkoopera iżda tiżdied il-piena bi grad billi l-każ seħħ 100m ‘l bogħod minn skola. Il-każ seħħ il-ġimgħa u l-ligi ma tgħid xejn dwar il-ħinijiet jew ġranet.

Hija qalet li l-akkużat seta’ ammetta qabel iżda kellu kull dritt li jagħżel li jippreżenta eċċezzjonijiet fl-2010. Wara l-kumpilazzjoni, l-akkużat ressaq diversi rikorsi u fetaħ kawża kostistuzzjonali li eventwalment tilifha biex ġie appuntat il-ġuri għal-lum.

Dwar ħsara potenzjali li setgħet saret, Dr Busuttil qalet li kkonċernat hemm aktar minn 2,000 pillola ecstasy u li kieku ma ġiex arrestat Agius id-droga kienet tispiċċa fis-soċjetà.

Għall-pieni l-liġi tgħid li jekk jinstab ħati, l-akkużat jista’ jeħel sa massimu ta’ għomor il-ħabs. Iżda, il-Qorti tista’ tikkunsidra li l-piena tvarja bejn 4 u 20 sena ħabs.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-faċċata tal-binja fil-qalba tal-Belt u li kienet isservi bħala l-qorti tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, magħrufa bħala Palazzo Castellania, ġiet restawrata biex reġgħhet libset id-dehra oriġinali tagħha. Illum il-ġurnata din il-binja…

Lokali

Inawgurati l-uffiċini l-ġodda tal-kumpanija Gaming Innovation Group li minn żewġ impjegati fl-2012, illum qed tħaddem 650 impjegat u qed tfittex mad-90 ħaddiem ieħor. Il-Kap Eżekuttiv, Robin Reed, qal li s-sena…

Lokali

Diversi prodotti agrikoli Maltin se jikkwalifikaw biex ikollhom tikketta ta’ kwalità ogħla minn dak rikjest mill-Unjoni Ewropea fi skema msejħa “Prodott ta’ Kwalità”. Fuq dawn il-prodotti ser ikun hemm tikketta…

Lokali

Id-direttur Informazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Dr David Bonello kkonferma li rreżenja mill-kariga li kien ilu jokkupa għal dawn l-aħħar xahrejn. Dr Bonello qal li huwa rriżenja għal raġunijiet personali. Ara wkoll:…

Aktar