Aġġornat: Fl-Armier mhux jitwaħħlu smart meters f’postijiet li ma kellhomx elettriku

Il-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja esprimiet tħassib li l-Enemalta se tinstalla smart meters fil-kmamar tal-Armier. Fi stqarrija, il-Kummissjoni qalet li meta individwu jokkupa art pubblika b’mod illegali jew abbużiv u l-awtoritajiet jittrattaw dan l-aġir bħallikieku xejn mhu xejn, dan ikun insult għall-Maltin kollha li jagħmlu ħilithom biex jimxu b’mod rett.

Il-Kummissjoni Ambjent  appellat lill-istat biex jara li l-art li qed tkun okkupata b’mod abbużiv tintradd lura.  Il-Kummissjoni Ambjent ħeġġet lid-Dipartiment tal-Artijiet biex bħala l-gwardjan tal-art pubblika ma jħallix li jitwaħħlu dawn l-ismart meters.

Ikkuntattjat minn tvm.com.mt, kelliem għall-Enemalta qal li fl-Armier mhux qed jitwaħħlu smart meters f’postijiet li ma kellhomx elettriku. Spjega li l-bdil tal-arloġġi tad-dawl fl-Armier hu parti minn proġett li għaddej mal-pajjiż kollu biex f’kull post fejn hemm servizz ta’ elettriku l-meters l-antiki jinbidlu ma’ smart meters.