AĠĠORNAT: Id-djoċesi Għawdxija kixfet lis-saċerdot li abbuża lill-bniet?

L-għada li saċerdot Għawdxi ġie akkużat b’abbuż sesswali fuq tliet ibniet, l-Isqof ta’ Għawdex Monsinjur Mario Grech wera solidarjetà mal-vittmi u l-familji tagħhom waqt li żied jgħid li mexa mal-proċeduri tal-liġi kanonika u anke ċivili u ser ikompli jagħmel dan kull meta jinqalgħu każi bħal dawn li qal huma ġerħa kbira għal knisja.

L-Isqof ta’ Għawdex Monsinjur Mario Grech kiser is-silenzju dwar il-każ tas-saċerdot Għawdxi li tressaq il-Qorti akkużat li abbuża sesswalment minn tliet ibniet f’Għawdex stess. Dan hekk kif sar magħruf li l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali se jappella mid-deċiżjoni tal-Qorti li tat il-libertà proviżorja lis-saċerdot ta’ 38 sena. Il-Pulizija mhux taqbel mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-ħelsien mill-arrest lis-saċerdot, anke għaliex għadhom ma xehdux il-vittmi.

Intant komunikat qasir u meqjus mill-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech jindika li d-djoċesi Għawdxija ma ippruvatx taħbi l-abbuż. L-Isqof Grech stqarr li f’dan il-każ huwa segwa l-protokolli indikati mil-liġjiet kanoniċ u ċvili. Monsinjur Grech assigura li se jkompli jagħmel hekk kull meta jinqalgħu każjiiet simili. L-isqof Grech qal li kull każ ta’ abbuż sesswali fuq il-minuri huwa ġerħa profonda fil-Knisja u fis-soċjetà. Qal li huwa bħala Ragħaj, jinsab qrib l-allegati vittmi u l-familja tagħhom. Monsinjur Grech qal li huwa jagħraf li għandu doveri kemm lejn is-saċerdoti kollha, anki dawk li jiżbaljaw, u kemm lejn il-poplu ta’ Alla, partikularment lejn il-minuri.

Mil-lat legali, ser ikun ikkontestat b’appell id-digriet tal-Magstrat Paul Coppini li laqa’ t-talba għal ħelsien mill-arrest tas-saċerdot ta’ 38 sena mix-Xagħra. Is-saċerdot li huwa ukoll għalliem tar-reliġjon fi skola fil-Ħamrun, ħareġ bil-libertà provisorja mill-Qorti ta’ Għawdex ftit ħin biss wara li tressaq. Il-Qorti imponiet fuqu diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Il-Qorti ordnat ukoll li ismu ma jixxandarx u l-każ jinstema bil-magħluq.

Ara wkoll: Qassis żagħżugħ akkużat b’abbuż ta’ tlett ibniet