AĠĠORNAT: Il-proġett tal-gass jiddomina l-aġenda taż-żewġ partiti politiċi

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li l-poplu għandu għażla li jemmen lil min se jibqa’ jbezza’ u min qed joffri futur aħjar. Waqt li kien qed jindirizza l-folla li nġabret f’Birżebbuġia Dr Muscat qal li fil-31 ta’ Marzu, l-Maltin se jkollhom ħelsien ieħor bi provvista ta’ energija minn sorsi nodfa u se jeħilsu minn miljun tunellata ta’ emmissjonijiet li jniġġsu l-arja kull sena. Wiegħed li sal-aħħar tal-leġislatura tagħlaq il-power station tal-Marsa u titneħħa ic-cumnija l-għolja tal-power station ta’ Delimara.

Il-Prim Ministru li l-Gvern jinsab lest li jneħħi it-tanker bil-ħazna tal-gass li jiffloatja kemm-il darba pajjiżna jkollu pipeline tal-gass. Dr Muscat qal li l-Gvern irid li jkun hemm pipeline ieħor li jgħaqqad lil Malta mal-libja biex ikun hemm sigurtà akbar fil-provvista tal-enerġija u Malta sserraħ rasha minn diversifikazzjoni fil-provvista. Il-Mexxej Laburista qal ukoll li Malta lesta biex issir pajjiż esportatur tal-enerġija. Dr Muscat qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni jikkritika biss u safrattant qatt ma spejga għaliex il-kumpanija li kien jagħmel minnha Dr Busuttil, ha ‘l fuq minn €420,000 f’konsulenzi waqt l-Amministrazzjoni Nazzjonalista.

Huwa żvela wkoll kif matul il-leġislatura li għaddiet il-Kabinett iddeċieda fuq parir ta’ ministru partikolari li jaħfer €800,000 li l-opearturi tal-Freeport kellhom jagħtu lill-Kunsill ta’ Birżebbuġa biex isiru proġett għall-familji f’din il-lokalità. Huwa semma wkoll kif il-Kabinett preċedenti kien iddeċieda li ma jwettaq ebda studji fuq l-impjant tal-gass f’Bengħajsa minkejja t-twissijiet li kellu mid-Dipartiment tal-Avvjazzjoni Ċivili għall-fatt li dan kien se jsir fuq il-linja ta’ fejn jinżlu l-ajruplani. Qal li dakinhar il-Gvern kien qabel li jekk jiġri xi ħaġa jagħmel tajjeb għaliha l-Gvern jew aħjar it-tax payers. Mill-banda l-oħra qal li fil-proġett tal-gass, il-Gvern għamel l-istudji kollha neċessarji u qabbad l-aqwa esperti, fosthom dak li tqabbad il-Kummissjoni Ewropea biex iħejji d-direttivi tagħhom dwar impjanti bħal dak li se jinbena f’Marsaxlokk.

Minn naħa tiegħu, l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonaliasta Simon Busuttil qal li l-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar m’għandhiex tiddeċiedi għada dwar il-proġett ta’ power station ġdida tal-gass f’Marsaxlokk billi s’issa għad m’għandhiex quddiemha l-istudji li janalizzaw ix-xenarji kollha possibbli mill-proġett propost.

F’rally f’Marsaxlokk, Dr Busuttil tenna t-tħassib tal-Partit Nazzjonalista dwar il-pjani li jigi sorġut tanker b’gass LNG fil-Port ta’ Marsaxlokk u insista li l-istudji għandhom jikkunsidraw wkoll għażliet li għamlu pajjiżi oħra. Semma l-każ ta’ Livorno fl-Italja fejn qal li t-tanker jiġi sorġut ferm ‘il barra mill-kosta.

Simon Busuttil qal li l-għan tal-attività tal-Partit Nazzjonalista kien li juri solidarjerta’ mal-poplu u n-negozji fin-naħa t’isfel ta’ Malta, ġurnata biss qabel mal-MEPA tiddeċiedi dwar il-proġett tal-power station il-ġdida. Qal li din id-deċiżjoni tista’ tħalli effetti fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies, speċjalment jekk tanker kbir b’ħazna ta’ gass jinżamm sorġut b’mod permanenti fil-port.