AĠĠORNAT: Joseph Cuschieri jbiddel fehemtu

Il-membru tal-Parlament Ewropew Joseph Cuschieri ħabbar li aktar tard illum se jitfa’ n-nomina għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Wara huwa qal lil tvm.com.mt li r-raġuni dwar din id-deċiżjoni kienet għax l-interess tal-Partit dejjem jiġi l-ewwel u l-Partit Laburista talbu jservih u hu hekk qed jagħmel.

Tliet ijiem ilu Joseph Cuschieri qal li ma kienx se jikkontesta dawn l-elezzjonijiet. Waqt programm televiżiv qal li l-Partit Laburista diġà ddeċieda min għandu jiġi elett waqt li hu tpoġġa fost il-lista’ tat-telliefa.

Fuq Xejk TV, Cuschieri qal li kien hemm diversi kandidati li abbużaw mill-magna tal-Partit. Qal li ħass li kull kandidat li kellu jikkontesta kellu jingħata l-istess trattament u ħadd m’għandu jiġi la vantaġġjat u lanqas żvantaġġjat. Qal li hu ħa sehem f’diversi elezzjonijiet li fi kliemu kienu ġusti, fejn ħadd ma jindaħal u ħadd ma juża l-magna tal-partit għall-interessi personali tiegħu.

Cuschieri kien qal li jidhirlu li din id-darba s-sitwazzjoni mhix l-istess u li qatt ma ħa sehem f’elezzjonijiet diġà deċiżi,  iżda f’elezzjonijiet li jkunu ugwali għall-kandidati.

Cuschieri żied jgħid li huwa wassal it-tħassib tiegħu lill-Prim Ministru u anke mal-President tal-Partit xhur ilu u qal li l-affarijiet baqgħu ma nbidlux. Kien sostna li la d-deċiżjonjiet fil-Partit Laburista diġà ttieħdu għal min għandu jkun elett, qal li hu ma jħossx li għandu jikkontesta meta l-magna tal-partit se tkun qed tpoġġih mal-magna tat-telliefa.  

Cuschieri kien elett bħala s-sitt membru parlamentari Malti ħames snin ilu, madankollu dam jistenna kważi sentejn biex beda jaħdem fil-PE sakemm ġiet approvata ż-żieda ta’ MPE.