Ambjent
Se ssir iktar faċli biex tinvesti f’karozza li tniġġes inqas

Pass eqreb lejn l-użu ta’ iktar karozzi li ma jniġġsux l-arja. Dan hekk kif il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qablu dwar kemm għandhom jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet mill-vetturi, b’mod partikolari il-karbonju (CO2).

Wara iktar minn 25 siegħa ta’ negozjati, intalħaq ftehim li sal-2030 jonqsu l-emissjonijiet b’37.5%, wara li l-Kummissjoni kienet bdiet bil-mira ta’ 30% u l-Parlament b’mira ta’ 40%.

Iżda l-MEP Maltija Miriam Dalli, li kienet responsabbli mir-rapport, żammet sod biex fin-negozjati, tant li f’kummenti qalet li żammet f’moħħha li għandu jintlaħaq bilanċ bejn il-ħarsien tal-ambjent u s-saħħa taċ-ċittadini meta jitqiesu l-aspetti li jolqtu lill-konsumaturi u lill-industrija tal-karozzi.

Skont is-sit elettroniku Euractiv, għall-ewwel darba l-Parlament irnexxielu jorbot lill-Kummissjoni Ewropea twettaq monitoraġġ u żżomm kont tal-konsum tal-fuel mill-vetturi biex tevita milli jkun hemm diskrepanza bejn it-testijiet fil-laboratorji u l-gassijiet li fir-realtà joħroġu mill-vetturi. Min ifalli milli jkun konformi mar-regoli l-ġodda, id-ditti tal-karozzi jkollhom miri iktar stretti.

Il-liġi tindirizza wkoll it-tħassib tat-trade unions li jinħoloq fond biex it-tibdil li se jseħħ fl-industrija tal-manifattura tal-karozzi ma jolqotx ħażin lill-ħaddiema, u min ikollu bżonn xi appoġġ dan il-fond jagħmel tajjeb għalih.

It-titjib tal-kwalità tal-arja fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea

L-Unjoni Ewropea hija marbuta li tkompli ttejjeb il-kwalità tal-arja fil-pajjiżi membri tagħha wara li ffirmat il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-bidla fil-klima. Il-Viċi President u Kummissarju Ewropew għall-Unjoni tal-Enerġija Maroš Šefčovič qal li l-futur ekonomiku jiddependi fuq kemm illum jinstabu soluzzjonijiet għal għada.

Żied jgħid li l-Unjoni qed tibgħat messaġġ politiku ċar lill-industrija, l-investituri, il-konsumaturi u l-awtoritajiet pubbliċi li għandhom jintużaw kemm jista’ jkun karozzi li ma jniġġsux, fosthom dawk elettriċi u bil-batterija, biex jonqos it-tniġġis fl-arja.

Il-Kummissarju għall-Bidla fil-Klima u l-Enerġija Miguel Arias Cañete iddeskriva l-ftehim bħala ambizzjuż u bilanċjat u qal li bil-liġi l-ġdida tfasslu miri u inċentivi biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-emissjonjiet fis-settur tat-trasport.

Qal li l-konsumaturi se jfaddlu l-flus fil-fjuwil użat għall-karozzi, filwaqt li l-industrija se tingħata ċans issib metodi innovattivi fil-produzzjoni ta’ vetturi li ma jniġġsux.

Wara dan il-ftehim, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jridu japprovaw formalment il-liġi sabiex tidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-għodwa għal John Cortis minn Ħal Qormi ma kinitx bħas-soltu. Ma’ TVM spjega li dalgħodu xħin qam xamm riħa ta’ ħruq u sema’ xi tfaqqigħ bħal bombi tal-festa. Huwa ħaseb…

Qorti

Kaled Muktahar Ben Gamhur ġie kkundannat 18-il xahar priġunerija. Huwa ammetta li seraq €118 u mobile minn karozza fil-15 ta’ Ġunju li għadda. L-akkużat kkommetta dan ir-reat ix-xahar li għadda…

Kronaka

Nirien żgħar ħakmu f’restaurant fil-Gżira. Il-każ seħħ għall-ħabta tas-7.30am fi Triq ix-Xatt. In-nirien li żviluppaw f’restaurant ġew ikkontrollati mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili . Dak il-ħin ma kien hemm ħadd ġewwa. Kelliema…

Saħħa

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis ħabbar proġett pilota li se jibda mill-ġimgħa d-dieħla fejn anzjani li ma jistgħux joħorġu mid-dar, mill-Mosta u Birkirkara se jkunu jistgħu jitolbu biex…

Aktar