COVID-19
Żgħażagħ jinġabru fil-parkeġġ f’Ta’ Qali – uħud minnhom bla maskra

Raġel li lbieraħ kien qed jitħarreġ fl-open-air gym f’Ta’ Qali esprima għadab għal grupp imdaqqas ta’ persuni li nġemgħu fil-parkeġġ biex jidriftjaw bil-karozzi.

Ritratti u filmati miġbuda mill-mobile ta’ dan ir-raġel u mibgħuta lil TVM juru għexieren ta’ żgħażagħ li uħud minnhom ma kinux lebsin maskra. Dan ir-raġel qalilna li ċempel lill-Pulizija, li ġew fuq il-post madwar siegħa wara.

Mill-filmat jidher li kif raw il-karozza tal-Pulizija, ħafna miż-żgħażagħ tferrxu, daħlu fil-karozza tagħhom jew saħansitra ħarbu biha minn fuq il-post. Dan ir-raġel qal li ma rax lil xi ħadd minnhom jiġi mmultat.

Huwa esprima dispjaċir li atleti bħalu, li bħalissa qed jitħarrġu għal kompetizzjoni internazzjonali li se ssir ħmistax oħra, qegħdin jiġu kkritikati u fi kliemu trattati qishom kriminali, fl-istess waqt li persuni oħra qed jinġemgħu fil-pubbliku qisu m’hu xejn.

Ara wkoll:

Il-Pulizija tisfratta festin f’Pembroke bejn iktar minn 100 persuna