Avjazzjoni
Air hostesses tal-Alitalia jinżgħu l-uniformi fil-pubbliku bi protesta

Grupp ta’ air hostesses li kienu jaħdmu mal-linja nazzjonali tal-ajru Taljana neżgħu l-uniformi fil-pubbliku bi protesta f’Ruma kontra l-kundizzjonijiet li qed jiġu offruti.

L-Alitalia ġiet xolta u minflokha issa l-kumpanija nazzjonali tal-ajru tal-pajjiż se jkun jisimha ITA (Italia Trasporto Aereo) Airways.

Waqt li neżgħu l-uniformi, u baqgħu lebsin ħwejjeġ ta’ taħt, l-air hostesses miġburin fil-pjazza għajtu l-frażi “Noi siamo Alitalia” (Aħna l-Alitalia).

Huma qalu li kienu qed jipprotestaw talli l-eks kollegi tagħhom ġew imġegħla jiffirmaw kuntratt tax-xogħol li kien umiljanti.

L-air hostesses, ilkoll nisa, ħallew ukoll iż-żraben tagħhom fil-pjazza bi protesta kontra l-Gvern Taljan.