Annimali
Ajkla bajda midruba f’Għawdex tinġieb Malta għall-kura

Birdlife Malta qalet li lbieraħ 12-il ajkla bajda li huma lkoll rari u protetti sfaw fil-mira ta’ kaċċaturi f’Għawdex tant li waħda minnhom biss baqgħet ħajja wara li turisti Taljani lemħuha midruba fl-art mimlija demm qrib Marsalforn.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Mark Sultana f’isem Birdlife Malta qal li t-turisti kkuntattjaw lill-għaqda u llum l-ajkla nġiebet Malta biex tingħata l-kura.

Is-Sur Sultana qal li huwa l-Prim Ministru Robert Abela nnifsu li jaħti għal dan kollu għax saħaq li l-Gvern ta r-riħ lill-kaċċaturi bħala parti mill-kaċċa għall-voti u akkuża lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-Kummissarju tal-Pulizija li x’aktarx qed jieħdu l-ordnijiet minn ta’ fuqhom biex ma jagħmlux infurzar tal-illegalitajiet li qal qed isiru fosthom bi strutturi illegali fil-Miżieb. Mark Sultana qal li turija ta’ kemm il-Gvern m’għandux għal qalbu l-ambjent naturali u huwa mmexxi mil-lobby tal-kaċċaturi huma t-total ta’ 167 għasfur protett ferut jew maqtul li nġabru din is-sena.

Is-Sur Sultana qal li lbieraħ il-Ministru Ian Borg gideb meta qal li mhu se jinbidel xejn bil-ftehim li l-Gvern se jiffirma mal-FKNK għall-kontroll tal-imsaġar kbar fil-Miżieb u l-Aħrax li huma ħames darbiet id-daqs tal-Buskett. Is-Sur Sultana qal li l-ftehim mhux formali li kien sar fis-snin tmenin mal-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici issa se jkollu s-saħħa legali biex kull min jibda jidħol fil-Miżieb u l-Aħrax waqt il-perjodu tal-kaċċa fuq l-għasafar u l-fniek jiġifieri kważi s-sena kollha jkunu jistgħu jittieħdu passi kontrih.

B’reazzjoni, il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba, Konservazzjonisti, l-FKNK ikkundannat lil min wettaq dan ir-reat u talbet lill-kaċċaturi biex jgħaddu xi informazzjoni dwar dan il-każ. Fi stqarrija, l-FKNK qalet li se tibqa’ tagħmel minn kollox sabiex jinqabad min kien risponsabbli biex jitressaq il-Qorti għall-ġustizzja.