COVID-19
Ajruplan jasal Malta bi kliem ta’ ringrazzjament

Bil-kelma “Grazzi” u qawsalla kbira fuq ġenb tal-ajruplan b’turija ta’ tama u apprezzament għall-ħaddiema li jinsabu quddiem nett fil-ġlieda kontra l-imxija tal-COVID-19, ajruplan tad-DHL wasal Malta b’aktar tagħmir mediku.

Fost il-merkanzija kellu l-ewwel ħames concentrators tal-ossiġnu minn 45 li ser jintramaw fi swali temporanji li saru minhabba l-pandemija fl-isptar Mater Dei.

“Dan l-apparat kapaċi mill-arja jiffiltra n-nitrogen bie xil-pazjent ikun jista’ jieħu nifs b’konċentrazzjoni ikbar ta’ ossiġnu li jkollu bżonn meta jkun marid.”

Charles Schiavone, Manager tad-DHL, ippreżenta dan it-tagħmir lil rappreżentat mill-isptar Mater Dei fil-preżenza ta’ uffiċjali tal-Pulizija, tal-Forzi Armati u tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Is-Sur Schaivone qal li l-kumpanija li toffri servizzi ta’ loġistika, hija fost il-ftit kumpaniji tal-ajru li kompliet bit-titjiriet biex twassal diversi oġġetti essenzjali.

“Konna offrejna lil Gvern li nistgħu nissapportjawh fit-trasportazzjoni kollha speċjalment ta’ equipment meħtieġ minħabba l-COVID-19.”

Is-Sur Schiavone qal li l-kumplament tat-tagħmir mediku, li qed jiġi esportat miċ-Ċina, ser jasal Malta fil-jiem li ġejjin.